Lokali

Żewġ Sindki tal-Partit Laburista jinsabu għaddejjin minn investigazzjonijiet separati

Is-Sindku Laburista tal-Mosta investigat mill-Pulizija.

Is-Sindku Laburista tal-Qala investigat mill-Ombudsman.

Żewġ Sindki tal-Partit Laburista jinsabu għaddejjin minn investigazzjonijiet separati. Waħda investigazzjoni mill-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijet Kriminali (DIK) u l-oħra mill-Ombudsman u mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.

Fiċ-ċentru ta’ waħda minn dawn iż-żewġ investigazzjonijiet hemm is-Sindku tal-Mosta Chris Grech. Mhux magħruf x’inhi r-raġuni għal din l-investigazzjoni iżda dan is-sit jista’ jiżvela li waħda mill-interrogazzjonijiet saret fil-binja tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija nhar it-13 ta’ Diċembru li għadda waranofsinhar. Mhux eskluż li fil-fatt dakinhar is-Sindku Chris Grech kien jinsab bil-Police Bail.

L-investigazzjoni l-oħra tirrigwarda lis-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg li qiegħed ikun investigat mill-Ombudsman u mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali. F’dan il-każ nifhmu li l-investigazzjonijiet jirrigwardaw misproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi dwar numru ta’ suġġetti.