Lokali

“Bil-ħila tagħkom se nerġa’ nerfa’ lit-tfal tiegħi” – Jinġabru biżżejjed fondi għal idejn bijoniċi

Wara l-appelli ma jaqtgħu xejn, Shawn Mifsud irnexxilu jiġbor biżżejjed flus sabiex ikun jista’ jixtri idejn bijoniċi, bil-missier ma jistax jistenna iktar sakemm ikun jista’ mill-ġdid jerfa’ liż-żewġt ibniet tiegħu.

Ħajjet Shawn kienet inqalbet ta’ taħt fuq mill-lejl għan-nhar wara li spiċċa jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u tilef partijiet minn saqajh u jdejh it-tnejn. Sempliċiment infezzjoni li qabditu waslet biex Shawn spiċċa jissielet għal ħajtu għal ġimagħtejn sħaħ. Dan wara li b’riżultat tal-infezzjoni, il-pressjoni tinżel f’livelli inkwetanti ferm tant li spiċċa fil-periklu tal-mewt darbtejn.

Shawn irnexxilu jikkumbatti din l-infezzjoni iżda ħareġ minnha billi t-tobba kellhom ineħħulu parti minn idejh u saqajh it-tnejn sabiex ikunu jistgħu jsalvawlu ħajtu.

Iktar dettalji dwar l-istorja ta’ Shawn tistgħu ssibuha iktar ‘l isfel taħt dan l-artiklu f’intervista li Shawn kien ta lil Net News.

Intant, is-suldat ta’ 37 sena ħabbar li ġabar madwar €200,000 wara li l-poplu Malti u Għawdxi laqa’ t-talba li għamel Shawn. Liema għajnuna waslet f’inqas minn ġimagħtejn wara l-appelli tiegħu.

Permezz ta’ dawn il-fondi, Shawn se jkun jista’ jixtri idejn bijoniċi tal-aħħar teknoloġija sabiex ħajtu tersaq eqreb għal dak li kien jaf qabel.

Iżda, id-determinazzjoni ta’ Shawn ma tiqafx hawn. Fil-fatt, issa qed jimmira li jkollu biżżejjed fondi sabiex ikun jista’ jixtri wkoll saqajn artifiċjal minflok jiddependi biss mis-siġġu tar-roti li bħalissa qed jagħmel użu għalih. Dan sabiex ma jkunx dipendenti wisq fuq il-qraba tiegħu.