Il-Prim Ministru Robert Abela se jsib l-appoġġ tagħna jekk jaħdem sabiex iġib lura l-€400 miljun mill-frodi tal-isptarijiet – mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li huma tal-familji Maltin u Għawdxin bi dritt.
F’indirizz li għamel lill-ġurnalisti quddiem il-Qorti t-Tnejn filgħodu…akkumpanjat mix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino…. il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista li wara l-ħidma biex l-isptarijiet ingħataw lura lill-poplu – issa jmiss pass ieħor, biex il-familji Maltin u Għawdxin jintroddulhom flushom lura.
Dan kollu qed iseħħ minħabba li il-Prim Ministru Robert Abela ma ħax il-passi neċessarji u qagħad l-ewwel jistenna lill-Partit Nazzjonalista biex il-poplu jakwista l-isptarijiet lura…imbgħad stenna lil Steward jiftħulu arbitraġġ internazzjonali.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li l-Gvern diġà għandu l-appoġġ tiegħu u tad-Deputati Nazzjonalisti fl-arbitraġġ…għaliex huwa biss grazzi għall-kawża mirbuħa mid-Deputat Adrian Delia biss li jista’ joħroġ rebbieħ. Iżda saħaq li minkejja dan kollu xorta waħda Abela mhux qed jinsisti biex il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro kollha jintraddu lura lill-familji Maltin.
Bernard Grech spjega li fil-mument li jagħmel dan…se jkun qed isib l-appoġġ unanimu tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech stqarr li l-ħidma tal-Oppożizzjoni se tibqa’ waħda favur l-interessi tan-nies u mhux ta’ entitajiet jew persuni oħrajn. U insista li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jsus wara l-Gvern sabiex l-interessi tal-familji jkunu salvagwardati.
//= $special ?>