Internazzjonali

Il-Jemen: L-attakki fuq il-Houthi kellhom isiru wara li huma injoraw it-twissijiet kontinwi

Is-Segretarju tad-Difiża Britanniku, Grant Shapps, tkellem dwar il-kriżi attwali fil-Baħar l-Aħmar fejn il-milizji tal-Houthi fil-Jemen qegħdin iwettqu l-attakki kontinwi fuq il-bastimenti kummerċjali tad-diversi pajjiżi li qegħdin jużaw dik ir-rotta marittima mill-aktar kruċjali.

Shapps għamilha ċara li l-Houthi kienu ngħataw ‘kull twissija possibbli’ biex ma jkomplux bl-attakki u li kienu injorati għal kollox…Sitwazzjoni li ħalliet lir-Renju Unit u l-Istati Uniti mingħajr ebda għażla ħlief li jisparaw il-missili fuq is-siti tal-milizji fil-Jemen.

Ir-Renju Unit, għalissa,mhux jiżvela jekk hemmx aktar azzjonijiet militari pjanati kontra l-Houthi. Iżda l-osservaturi Britanniċi qed isegwu s-sitwazzjoni fil-Jemen b’attenzjoni kbira bil-għan li jkollhom ħjiel tal-passi li jmiss min-naħa tal-Houthi.

Min-naħa tiegħu, Grant Shapps qal li ‘iż-żejjed kollu żejjed’ u li pajjiżu lest li jieħu kull azzjoni biex iwaqqaf l-attakki indiskriminattivi tal-Houthi fuq il-bastimenti kummerċjali mgħobbijin bil-kunsinni importanti.

Il-milizji tal-Houthi – alleati mal-Iran u mal-grupp Ħamas fil-Medda ta’ Gaza – ilhom mill-aħħar ta’ Novembru jattakkaw il-bastimenti kummerċjali fil-Baħar l-Aħmar. Intant, huma qalu li qed jimmiraw għall-vapuri ‘ta’ sidien Iżraeljani’ bħala solidarjetà mal-poplu ta’ Gaza.

B’riżultat ta’ din l-aggressjoni, ħafna mill-akbar kumpanniji tal-vapuri fid-dinja ma baqgħux jużaw ir-rotot mill-Baħar l-Aħmar minħabba l-possibbiltà li dawn jisfaw mira tal-missili u d-drones tal-Houthi.

Sadanittant, il-militar Amerikan, fl-aħħar sigħat, qal li waqqa’ missila li l-milizji fil-Jemen kienu sparaw lejn wieħed mill-bastimenti tal-gwerra tiegħu – u bil-Houthi ma jassumux responsabbiltà għall-attakk.

Għaldaqstant, l-Istati Uniti u r-Renju Unit qed jippjanaw biex – permezz ta’ azzjonijiet ‘proporzjonali’ — inaqqsu mill-kapaċitajiet militari tal-Houthi qabel is-sitwazzjoni fil-Baħar l-Aħmar taqleb sew għall-agħar.