Knisja Lokali

Il-Kardinal Mario Grech fost dawk li qed jissemmew b’ċans li jieħdu post il-Papa Franġisku

Il-Kardinal Malti, Mario Grech huwa fost dawk li qed jissemmew b’ċans li jieħdu post il-Papa Franġisku fil-Vatikan.

Din l-aħbar irrapurtatha l-midja Irlandiża fejn evalwat il-kardinali kollha li għandhom ċans sew, bi Grech ikun fost dawk l-iktar favoriti.

Il-Papa Franġisku ilu jservi fl-irwol tiegħu sa mill-2013. Huwa kien għamel l-ewwel żjara tiegħu fil-gżejjer Maltin f’April tal-2022. F’intervista li kellu riċenti, il-Papa Franġisku fl-ebda mument ma ssuġġerixxa li se jkun qed jinżel mill-kariga fiż-żmien qarib li ġej.

Il-Papa Franġisku s’issa ħatar 99 kardinal, b’27 minnhom ġejjin minn pajjiżi li qatt ma kellhom kardinali qabel, fosthom il-Haiti, Myanmar, u Sweden.

Biex jinħatar Papa ġdid, il-kardinali kollha li għandhom taħt it-80 sena jridu jivvutaw għal persuna idonja għal dan l-irwol u jrid iġib iż-żewġ terzi tal-maġġoranza fost il-136 kardinali li huma bħalissa eleġibbli li jivvotaw. Sal-aħħar tas-sena se jkunu biss 120-il kardinal li jkunu jistgħu jivvotaw hekk kif l-oħrajn ikunu qabżu t-80 sena.

Mill-kardinali kollha, 52 huma mill-Ewropa, 38 mill-Amerika, 23 mill-Asja, 19 mill-Afrika, u tlieta mill-Oċeanja. B’Mario Grech biss li huwa Malti fost dawn il-136 kardinal. U minn dawn kollha, ilu sew jissemma’ bħala l-favorit għal din il-pożizzjoni prestiġjuża.

Bla dubju ta’ xejn, jekk din isseħħ, Grech ikun l-ewwel Malti li qatt sar Papa.