Lokali

It-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern fil-konfront tal-ħaddiema fl-Università ta’ Malta jwassal għal tbatija fuq l-istudenti u l-ħaddiema – PN

Gvern li nesa l-interess tal-ħaddiema u tal-istudenti

It-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern għal sentejn sħaħ biex jintlaħaq qbil għal ftehim kollettiv ġdid qed iwassal biex ikun hemm staġnar fl-amministrazzjoni edukattiva fl-Università ta’ Malta. Kaġun ta’ dan l-istaġnar wassal għal direttivi biex il-ħaddiema jieħdu dak li ilhom jitolbu għal dawn l-aħħar snin.

F’konferenza tal-aħbarjiet fid-daħla ewlenija tal-Università ta’ Malta, indirizzata mix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo, mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri u mix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda Bernice Bonello, ġie mtenni li din l-inċertezza wasslet għal sitwazzjoni ta’ limbu kemm għall-ħaddiema u l-letturi, kif ukoll għall-istudenti universitarji.

Ir-ras iebsa tal-Gvern wasslet għal azzjoni industrijali mill-unions, hekk kif il-UĦM Voice of the Workers ordnat direttivi għall-ħaddiema amministrattivi, tekniċi u industrijali tal-Università ta’ Malta wara li t-talbiet tal-istess union ma nagħtaw l-ebda prijorità.

Fil-konferenza ntqal li l-Gvern mhux jagħmel dak li hu mistenni minnu, jiġifieri li jkomplu t-taħditiet u li jintlaħaq ftehim. Fl-aħħar mill-aħħar, huma l-istudenti li qed ibatu minħabba r-ras iebsa tal-Gvern, b’inċertezza kbira anki jekk hux se jkun hemm eżamijiet matul dan ix-xahar u jkunu posposti, bil-piżijiet ikomplu jiżdiedu fuq l-istudenti.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern għandu jidentifika l-bżonnijiet ta’ dawn il-ħaddiema, kif ukoll il-kontribut tagħhom fis-sistema edukattiva, filwaqt li jerġa’ jmur lura fuq il-mejda tad-diskussjonijiet.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li Gvern serju m’għandux jaħrab mid-diskussjoni, iżda jagħmel minn kollox biex jintlaħaq kompromess fejjiedi.