Karol Aquilina, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal fil-parlament li jeħtieġ ġlieda qawwija kontra d-droga u sostna li l-gvern qed jonqos milli jibgħat messaġġ qawwi.
Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar l-Uffiċċju tal-Prosekuturi Delegati Ewropej, Karol Aquilina qal li l-pajjiż għandu jibda jiġġieled il-kriminaità organizzata b’direzzjoni ċara u sostna li ċertu liġijiet li ppropona l-gvern qed idgħajfu l-ġlieda kontra l-kriminalità fosthom bil-bidla kbira li ġejja fil-liġijiet dwar id-droga.
Hu sostna li l-gvern m’għandux jivvinta eċċezzjonijiet u jiftaħ bieb beraħ lil min irid jittraffika d-droga u jagħmel ħsara kbira fil-pajjiż. Għandu jintbagħat messaġġ ċar li l-ġlieda kontra d-droga trid ikun iktar qawwija milli hi llum, sostna d-deputat Nazzjonalista. Hu qal li l-kelliema tal-gvern ftit jitkellmu bil-qawwi fil-ġlieda lit-traffikanti tad-droga.
Karol Aquilina qal li l-pajjiż ma kienx preparat biex jassorbi l-effetti tal-Prosekuturi Delegati Ewropej (EPPO) u sostna li l-bidliet li qed iressaq il-gvern jipproponu li dawn il-prosekuturi jkollhom aċċess għall-proċessi Maltin li huma qed isegwu huma fosthom kawżi dwar finanzjament Ewropew.
Hu spejga li l-EPPO talbu li l-investigazzjonijiet dwar l-allegata korruzzjoni fil-bini tal-fly-over tal-Marsa isiru minnhom u żied li se tkun il-Qorti Kriminali tal-pajjiż li tiddeċiedi dwar kompetenza jekk ikun hemm diffikultajiet f’dan ir-rigward.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni waqqfet l-investigazzjonijiet dwar il-każ tal-fly-over tal-Marsa u żied li l-EEPO kienu riedu li hu jagħmel dikjarazzjoni dwar il-każ iżda l-uffiċjal investigatur ma kellu l-ebda informazzjoni dwar il-każ. Hu sostna li hu difett fis-sistema li l-Prosekuturi Ewropej ma jistgħux ikellmu dirett lill-persuni li jistgħu jipprovdu l-informazzjoni dwar il-każi investigati.