Internazzjonali

L-Iran: Tkompli l-persekuzzjoni ta’ żewġ ġurnalisti nisa meħlusa mill-ħabs

Il-Ġudikatura fl-Iran fetħet każ ġdid kontra żewġ ġurnalisti nisa talli huma ma libsux il-hijab fil-pubbliku dritt wara li huma nħelsu mill-ħabs. Il-hijab hi xalla tar-ras li n-nisa Iranjani jridu jilbsu bilfors skont ir-regoli riġidi tal-Islam.

Intant, xi ħadd għadda lill-awtoritajiet ir-ritratti tal-ġurnalisti  Niloufar Hamedi u Elaheh Mohammadi b’rashom mikxufa wara 17-il xahar ta’ priġunerija. Huma, f’Ottubru, kienu weħlu sentenzi rispettivi ta’ seba’ u sitt snin ħabs wara li nstabu ħatja dwar ‘abbuż tas-sigurtà nazzjonali’ u li huma ċaħdu b’mod kategoriku.

Iż-żewġ nisa kienu strumentali biex il-qtil, fl-2022, ta’ mara – Mahsa Amini – taħt idejn il-Pulizija Iranjana tingħata prominenza fuq livell  globali. Amini – li ma kenitx liebsa l-hijab — mietet ftit wara li nżammet taħt arrest mill-pulizija u bil-każ tagħha jiġġenera l-protesti tal-massa kontra l-liġijiet dwar il-hijab madwar l-Iran.