Il-vulkan li żbroffa fi tmiem il-ġimgħa viċin il-belt ta’ Grindavik ħoloq sitwazzjoni perikoluża għall-aħħar wara li l-gliegel tal-lava imlew diversi zoni ta’ din il-belt, bir-riżultat li nħarqu numru ta’ djar….Sitwazzjoni li fi kliem l-osservaturi kapaċi tirrendi l-belt ta’ Grindavik bħala inabitabbli għal ħafna snin.
L-affarijiet iggravaw wara li l-attività vulkanika kaġunat xquq kbar fl-art li minnhom beda jbewweġ il-lava. Intant, fl-aħħar sigħat, ingħad li l-ispinta tal-lava kienet naqset xi ftit, għalkemm is-sitwazzjoni fl-inħawi għadha fluwida.
L-iżbroff vulkaniku hu l-ħames wieħed fil-Lbiċ tal-Iżlanda minn Marzu tal-2021.
Min-naħa tiegħu, il-President Iżlandiż Gudni Johannesson, kompla jgħid li s-sitwazzjoni mhix tipperikola l-ħajja tar-residenti – u wara li fl-aħħar sigħat kienu evakwati l-familji kollha minn Grindavik. Sadanittant, il-Gvern Iżlandiż iltaqa’ biex jiddiskuti ċ-ċirkustanzi tar-residenti ta’ Grindavik u biex jevalwa l-passi li jmiss wara l-iżbroff tal-vulkan.
L-aħħar rapporti qalu li l-lava infiltrat anki mis-sistemi li suppost qegħdin iservu bħala lqugħ – bil-President Johannesson iħeġġeġ l-għaqda fost il-poplu u biex in-nies jiftakru fl-Iżlandiżi bħalhom li ma jistgħux jirritornaw lura d-dar f’dawn iċ-ċirkustanzi.
Dan ukoll meta l-aċċessi u t-toroq kollha lejn Grindavik jinsabu magħluqin għal żmien indefinittiv.
//= $special ?>