Surrealment, minkejja sentenza wara l-oħra tal-Qorti, u minkejja li issa għal kważi sena sħiħa ilna nafu li l-poplu Malti u Għawdxi ġie frodat minn Vitals u Steward b’rabta mat-tlett sptarijiet f’kollużjoni mal-Gvern – il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi l-aġir tal-membri tal-Kabinett; membri li uħud minnhom għadhom jiffurmaw parti mill-Kabinett tiegħu stess.
It-Tnejn filgħodu Net News staqsa lill-Mexxej Laburista min se jkun qiegħed jerfa’ responsabbiltà ta’ dan kollu, wara żewġ sentenzi tal-Qorti fejn ġie dikjarat iswed fuq l-abjad li l-kuntratti bejn Vitals Global Healthcare…sussegwentament Steward Healthcare…u l-Gvern ġew nulli. Bil-Qorti tal-Appell tiddikjara li min suppost kellu jiddefendi liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin spiċċa jiddefendi l-interessi tal-barrani.
Iżda Robert Abela, sal-lum għadu qed jinsisti li l-Ministri tiegħu aġixxew b’mod ġust rigward il-kwistjoni ta’ Steward.
Kien biss grazzi għall-kawża miftuħa mid-Deputat Nazzjonalista, dak iż-żmien Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia…u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li l-Maltin u l-Għawdxin reġgħu ħadu lura l-isptarijiet ta’ Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali t’Għawdex.
U l-Ministri preżenti dak iż-żmien kienu ħadmu qatigħ kontra l-kawża miftuħa mill-istess Adrian Delia, tant li ivvotaw kemm-il darba favur l-eks Deputat Mexxej Laburista u eks Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi…bil-Gvern immexxi minn Robert Abela nnifsu jibqa’ sa Frar tal-2023 jiddefendi l-interessi ta’ Steward Healthcare.
U wara li ġimgħa ilu keċċa lill-issa eks Ministru Aaron Farrugia mill-Kabinett tal-Ministri fejn skont hu għamel dan għall-interess nazzjonali, għall-istess interess nazzjonali għadu ħadd ma refa’ responsabbiltà ta’ din l-akbar frodi – l-akbar skandlu ta’ kollużjoni minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.
U sallum, il-poplu għadu qed jistenna li jintroddulu lura l-€400 miljun li insterqu permezz ta’ dan id-deal.