Edukazzjoni Lokali

Tħassib kbir mill-istudenti tal-Università: Hemm biża’ li l-eżamijiet ta’ Jannar jiġu posposti

Il-KSU se jsejjaħ rally għall-istudenti

Il-karba tal-istudenti waqgħet fuq widnejn torox.

Hekk iddikjara l-Kunsill Studenti Universitarji wara li fl-aħħar jiem kompla jikber it-tħassib dwar x’se jiġri mill-eżamijiet ta’ Jannar – bil-biża’ tkun li dawn l-eżamijiet jiġu posposti.

Il-kwistjoni kollha hija dwar il-pakkett il-ġdid għall-ħaddiema tal-istess Università – pakkett finanzjarju li dwaru għadu ma ntlaħaq ebda qbil, għalkemm hemm laqgħa skedata għal għada.

Il-KSU qed jgħid illi anke jekk għada jintlaħaq qbil, xorta jrid ikun hemm l-approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi. “Dan ifisser aktar ħela ta’ ħin”, stqarr il-KSU, illi enfasizza kif din is-sitwazzjoni qed tkun ta’ detriment fuq l-istudenti kollha fl-Univerisità ta’ Malta, bil-biża’ li l-ewwel ġimgħa ta’ eżamijiet tiġi posposta.

Il-Kunsill tal-Istudenti beda wkoll petizzjoni sabiex din il-kwsitjoni tiġi riżolta. U jekk ma jkunx hemm qbil fuq il-pakkett finanzjarju, lesta tieħu “azzjoni radikali”.

Il-KSU qed jgħid ukoll li se jsejjaħ rally għall-istudenti.