Lokali

Zammit Lewis jitfa’ pressjoni fuq Robert Abela

Għaddew biss ħmistax mill-bidu tas-sena l-ġdida – u l-pressjoni fuq il-Mexxej Laburista Robert Abela tibda’ ma taqtax. Dan hekk kif il-backbencher Laburista u eks Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis insista li l-Prim Ministru għandu jintervjeni fuq it-taxxa l-ġdida tal-importazzjoni – taxxa li l-Gvern donnu ħarbitlu minn moħħu – taxxa illi kollox qiegħed jindika li surrealment il-Gvern ta’ Abela jew kien favuriha jew ma kellux idea x’inhi.

F’artiklu fil-ġurnal Times of Malta Zammit Lewis insista li Abela għandu jiżgura li l-kwistjoni tkun indirizzata fil-Kunsill Ewropew. Madanakollu, kollox jindika li issa huwa tard wisq, bil-konsegwenza inevitabbli tkun iż-żieda fil-piż tal-għoli tal-ħajja fuq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

It-taxxa l-ġdida li daħħlet fis-seħħ fl-ewwel tas-sena  hija parti minn skema ġdida Ewropeja biex tikkumbatti l-emmissjonijiet.

Edward Zammit Lewis insista li l-għan wara din l-iskema huwa wieħed tajjeb – skema li l-Gvern Malti qabel magħha – iżda stqarr li ż-żmien li fih ġiet introdotta huwa ħażin ħafna, hekk kif l-ekonomija Ewropea għaddejja minn sfidi qawwija.

L-eks Ministru insista li l-familji Maltin u Għawdxin kellhom jinżammu bħala prijorità f’din id-deċiżjoni; iżda issa fi kliemu stess, it is usesless to cry over spilt milk.

Għaldaqstant….wara xhur moħlija…. issa l-backbencher Laburista qed jappella lill-Gvern li ironikament jagħmel parti minnu huwa stess sabiex immedjatament jiftaħ taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea.

Dan filwaqt li sottilment attakka lill-Ministru Miriam Dalli hekk kif ħeġġeġ li l-membri fil-Kunsill tal-Ministri tal-ambjent u l-enerġija jsemmgħu leħinhom….fatt li setgħet għamlitu xhur ilu.

Hu temm il-kitba tieghu billi tefa’ pressjoni fuq Robert Abela sa biex issa, wara li din it-taxxa daħlet fis-seħħ ġimgħatejn ilu….fatt li kienu ilhom jafu bih ix-xhur…jara li jsir xi ħaġa. Bl-esperti jgħidu li l-Gvern stenbaħ tard wisq.