Wara li l-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru Robert Abela qal li jrid idaħħal lura miegħu lil Rosianne Cutajar…membru wara l-ieħor fil-Kabinett qed joħorġu għonqhom għal Rosianne Cutajar. Dan minkejja li ftaħret li trid titħanżer u ħadet eluf ta’ ewro mill-but tal-poplu f’impjieg fażull mal-ITS; l-istess impjieg li ġie kkundannat mill-Awditur Ġenerali.
Matul il-jum tal-Ġimgħa Net News saqsa lis-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli jekk taqbilx mar-ritorn ta’ Rosianne Cutajar fil-Partit Laburista b’Zerafa Civelli tiddikjara b’mod apert li l-bieb huwa miftuħ. Dan apparti li qaltilna wkoll li ma tara xejn ħażin li nies bħalha jingħaqdu lura mal-Partit Laburista.
Alison Zerafa Civelli qalet li taqbel perfettament ma’ dak li qal Robert Abela, filwaqt li ma ddejqet xejn toħroġ għonqha għal Rosianne Cutajar.
F’April tas-sena li għaddiet, wara diversi appelli mis-soċjetà ċivili, ġurnali, esperti, opinjonisti u mill-Partit Nazzjonalista…Rosianne Cutajar irriżenjat mill-Partit Laburista – għalkemm qatt ma kienet imkeċċija minn Robert Abela. Bil-Prim Ministru jgħid li l-Labour ħa pass ta’ dixxiplina wara li kien żvelat il-kontenut tac-chats sigrieti ma’ Yorgen Fenech.
Imbgħad, f’Novembru li għadda, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ddeskriva l-impjieg ta’ Rosianne Cutajar bħala wieħed falz, imħallas mill-fondi pubbliċi – eluf ta’ ewro li għadhom ma ingħatawx lura.
Madankollu meta affaċjata bid-domandi ta’ Net News is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli ripetutament qalet li l-bieb huwa miftuħ anke għal Rosianne Cutajar. Għalkemm it-tieni darba, kienet aktar kawta qabel ma qabdet u wieġbet.
//= $special ?>