Il-Gvern ta’ Robert Abela jrid ikompli jdgħajjef il-ġlieda kontra l-kriminalità. Aħna għandna d-dmir u l-obbligu li nwaqqfuh. Għalhekk, illum, l-Oppożizzjoni se tieħu azzjoni konkreta billi tippreżenta żewġ emendi importanti għall-Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu, il-Gvern irid jibdel il-liġijiet dwar il-flus li jidħlu mill-kriminalità.
Dan intqal fi stqarrija, mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina.
F’pajjiżna, kulħadd jaf għaliex Robert Abela għandu għaġġla kbira biex jgħaddi dan l-Abbozz ta’ Liġi mill-istadji kollha tal-Parlament. Hu evidenti li dan l-Abbozz hu parti minn patt imxajtan, li permezz tiegħu se jiddgħajfu l-istituzzjonijiet u li minnu se jgawdu biss il-kriminali. Issa kulħadd induna li l-prijorità ta’ Robert Abela hi li jserraħ moħħ dawk il-politiċi viċin tiegħu li wettqu korruzzjoni, ħasil ta’ flus u abbuż ta’ poter.
Għaldaqstant, l-ewwel emenda tal-Oppożizzjoni titlob li r-reati ta’ korruzzjoni jkunu esklużi mit-tibdil li jrid il-Gvern, bl-istess mod li diġà huma esklużi r-reati marbutin mad-droga. B’hekk, dawk il-persuni li jkunu akkużati b’reati ta’ korruzzjoni ma jkunux jistgħu jgawdu mill-Abbozz li jrid idaħħal il-Gvern b’għaġġla kbira.
It-tieni emenda tal-Oppożizzjoni titlob li biex il-Qorti tkun tista’ tirrilaxxa somma flus, il-persuna akkużata għandha tipprova lill-Qorti li dawn il-flus ma ġewx minn xi attività kriminali. Din l-emenda tipproponi li persuna akkużata jkollha d-dritt tressaq il-provi tagħha fi kwalunwke stadju tal-proċeduri u li d-deċiżjoni finali tibqa’ dejjem f’idejn il-Qorti.
Jekk l-emendi tal-Oppozizzjoni jkunu injorati, ikollna konferma oħra li Robert Abela mhux għajr kopja ħażina ta’ Joseph Muscat: il-politiku li rebaħ il-premju tal-aktar politiku korrott tad-dinja fl-2019, li taħtu żżarmaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna biex ikunu protetti l-politiċi korrotti u sħabhom il-kriminali, kif ukoll li nstab ħati li ħoloq l-ambjent ta’ impunità li fih setgħet tinqatel ġurnalista Maltija.
Propju llum, li qed infakkru l-75 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Oppożizzjoni se tressaq dawn l-emendi u se tagħti opportunità oħra lill-membri tal-Gvern biex juru li tgħallmu xi ħaġa minn din l-aktar paġna kerha tal-istorja riċenti ta’ pajjiżna.
//= $special ?>