Jerome Caruana Cilia, PN
Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, tkellem fl-Aġġornament tal-parlament dwar il-qasam importanti tal-Intelliġenza Artifiċjali u qal li l-qasam tax-xogħol se jkompli jinbidel permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali. Dan il-qasam għandu jkun ċentrali fil-viżjoni ekonomika ta’ pajjiżna.
Caruana Cilia sostna li l-Intelliġenza Artifiċjali ġġib magħha numru ta’ sfidi ġodda, fosthom, sfidi marbuta mal-etika u l-aspett legali, sfidi soċjoekonomiċi bħalma huma n-nuqqas ta’ ħiliet f’dan il-qasam u l-impjiegi li se jittrasformaw, aspetti fil-maniġment ukoll se jkunu qed jinbidlu, iż-żieda fir-robots industrijali u l-qafas edukattiv li jenħtieġ li jaġġorna u jissaħħaħ.
Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia qal li l-introduzzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali mhix għażla, imma parti essenzjali minn proċess li anke pajjiżna jrid jaddotta. “M’għandiex inħarsu lejn l-Intelliġenza Artifiċjali bħala sempliċiment proċess innovattiv li se joqtol ċerta xogħlijiet, imma bħala proċess li permezz tiegħu rridu noħolqu u nikkrejaw mill-ġdid rwoli u impjiegi ġodda”.
Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia tratta dwar numru ta’ ċifri u qal li skont Goldman Sachs hu stmat li Generative AI (GenAI) se taffettwa mat-300 miljun xogħol full-time. Automation se tbiddel almenu parzjalment 66% tax-xogħolijiet fl-Ewropa. Bejn 25% u 50% tal-workload se jibda jsir mill-Intelliġenza Artifiċjali. 65% tal-iskills mistennija jinbidlu sal-2030 minħabba GenAI.
Jerome Caruana Cilia rrefera għal stħarriġ ta’ McKinsey, fejn jingħad li f’inqas minn sena, madwar terz li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ qalu li jużaw ħafna mill-għodod magħrufin bħala GenAI f’tal-inqas business function waħda tagħhom.
Fl-aħħar snin l-Intelliġenza Artifiċjali wkoll saret focus ewlenija għal C-level executives fejn iktar minn kwart tagħhom qalu li l-implimentazzjoni ta’ GenAI tools huma temi li jiddiskutu waqt il-board meetings. Barraminnhekk, 40% qalu li l-kumpaniji tagħhom se jżidu l-investiment fl-Intelliġenza Artifiċjali minħabba avvanzi fil-GenAI. Jerome Caruana Cilia sostna li-value added iġġenerat minn GenAI huwa wieħed kbir ħafna u għaldaqstant għandna opportunità.
“Wieħed mill-punti pertinenti li jwasslu biex l-Intelliġenza Artifiċjali tiġi utilizzata bl-aħjar mod possibbli, huwa billi kumpanija tkun kapaċi titrasforma ruħha permezz tad-diġitalizzazzjoni. Se jintilfu xi xogħolijiet li nagħmlu llum, imma se jinħolqu oħrajn. Il-Gvern għandu obbligu li jara kif jiffaċilità u jgħin lil kumpaniji eżistenti u oħrajn biex jikbru u jimirħu”, saħaq Jerome Carunana Cilia.
Hu tkellem ukoll dwar dak li sar f’kuntest Ewropew fejn semma’ l-AI Act u tkellem dwar numru ta’ riskji inaċċettabbli f’dan ir-rigward bħal Cognitive behavioural manipulation ta’ nies jew gruppi vulnerabbli speċifiċi: per eżempju voice-activated toys li jinkoraġġixxu mġiba perikoluża fit-tfal u social scoring, jiġifieri l-klassifikazzjoni tan-nies abbażi tal-imġieba, l-istatus soċjoekonomiku jew il-karatteristiċi personali.
Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża qal li hu minnu li fl-2019 pajjiżna nieda l-politika nazzjonali dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u li din bħalissa qed tiġi riveduta, imma dan mhux biżżejjed u jeħtieġ li nkunu ferm iktar ambizzjuzi.
“Jekk nimxu bil-għaqal l-Intelliġenza Artifiċjali kapaċi ttina a cutting edge fuq pajjiżi oħra. Tista’ twassal biex inżidu l-livelli ta’ produttività f’pajjiżna mingħjar ma nkomplu nżidu l-popolazzjoni b’numri esaġerati. L-Intelliġenza Artifiċjali kapaċi tgħina nsolvu ħafna mill-problemi li qed niffaċċjaw. Iżda l-Gvern irid ikun iktar ambizzjuż fl-azzjonijiet tiegħu u jinvesti iktar f’dan ir-rigward”, temm jgħid ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża.