Lokali

Creative Europe: Programm ta’ fondi li jrawwem u jippromwovi s-settur awdjoviżiv

Creative Europe huwa l-programm imniedi mill-Kummissjoni Ewropeja, bil-għan li jkun ta’ sostenn għas-setturi kulturali u awdjoviżivi. Dan il-programm vast huwa maqsum fi tlett strands, bil-Media strand tindirizza speċifikament l-industrija awdjo-viżiva, li tinkludi l-film, iċ-ċinema, it-televixin, video on demand, u logħob onlajn. L-għan prinċipali tal-Media strand huwa li jinkoraġġixxi l-kompetittività, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà tas-settur.

Il-klaster tal-kontenut jiffoka fuq l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi ta’ kwalità għolja; il-klaster tal-business jippromwovi l-innovazzjoni imprenditorjali u t-tisħiħ tal-industrija u t-trawwim tat-talenti; il-klaster tal-udjenza jtejjeb l-aċċess u l-viżibilità tax-xogħlijiet għall-pubbliku permezz ta’ pjattaformi ta’ distribuzzjoni kif ukoll permezz ta’ inizjattivi li jinvolvu lill-udjenzi.

B’sejħiet bħal Video Games and Immersive Content Development u Innovative Tools and Business Models applikanti prospettivi huma mħeġġa jikkuntattjaw lit-tim ta’ Creative Europe sabiex jaraw liema sejħiet jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-kumpanija awdjoviżiva tagħhom! Fost is-sejħiet miftuħa bħalissa hemm the European Co-Development Call u Mini-Slate Development.

L-uffiċju ta’ Creative Europe Malta jinstab f’post aċċessibbli fiċ-ċentru tal-Belt Valletta. Kull min jixtieq ikun jaf iktar dwar il-programm huwa mistieden jikkuntattja lit-tim ta’ Creative Europe, li joffri assistenza relatata mal-fondi ta’ dan il-programm, u huwa dedikat sabiex iwassal din l-informazzjoni permezz ta’ laqgħat individwali, sessjonijiet ta’ informazzjoni, sessjonijiet online, u l-parteċipazzjoni f’avvenimenti marbuta mal-industrija.