“Ma għandi l-ebda dispjaċir għalkemm setgħet ġiet aħjar kieku ma konniex daqshekk sfortunati. Dan il-proċess se jibqa’ għaddej u dan hu tim li qed nippreparawh għal sentejn oħra f’Belgrad. Tibdiliet ikun hemm żgur imma naħseb li urejna li Malta tinsab hemm fuq il-mappa tal-waterpolo Ewropew. Inħares lejn riżultati aħjar fil-futur.”
Kliem il-President tal-ASA Karl Izzo fi tmiem il-parteċipazzjoni Maltija waqt il-Kampjonat Ewropew tal-waterpolo li sar fil-bliet Kroati Zagreb u Dubrovnik. It-tim nazzjonali Malti kklassifika fil-15-il post wara rebħa bl-għoti tal-penalties kontra l-Iżrael. Dan ir-riżultat fisser li Malta marret post lura mill-14-il post miksub fl-aħħar edizzjoni li saret fi Split fl-2022.
F’kuntatt li dan is-sit għamel, Izzo qal li hu kuntent bir-riżultat finali tal-logħba kontra Iżrael minħabba li “l-logħba kienet mitlufa u bil-qalb taż-żgħażagħ tagħna rnexxielhom idawruha. Tkun tlieta minn taħt fl-aħħar tliet minuti u tispiċċa tirbaħ, anki jekk bil-penalties.”
Karl Izzo sostna li mhux kuntent 100% komplessivament b’referenza għal diversi problemi li kellu t-tim f’din l-edizzjoni. “Tlifna pedina importanti u wieħed mill-aqwa plejers jekk mhux l-aqwa plejer li kien qed jilgħab dak il-ħin Sam Gialanze, li kien marid. Kellna ħafna plejers li affettwathom l-influwenza u daqsxejn problemi fl-istonku. Kellna lil Mark Castillo sospiż, ħalliet l-effett speċjalment kontra s-Slovenja.”
Il-President tal-ASA sejjaħ it-tim li pparteċipa f’dan il-Kampjonat Ewropew bħala tim tal-futur filwaqt li faħħar il-kwalitajiet tal-kowċ nazzjonali Milan Cirovic bħala kowċ kapaċi u li ma jħarisx lejn l-uċuh. L-edizzjoni li jmiss issir f’Belgrad fl-2026, bit-tim Malti se jkun qed jimmira għas-sitt kwalifikazzjoni konsekuttiva.
//= $special ?>