Sport Waterpolo

Doppjetta drammatika ta’ Granados tagħti l-ewwel Kampjonat Ewropew lil Spanja

Alvaro Granados l-eroj ta' Spanja (Ritratt: European Aquatics)

Gowl drammatiku lejn it-tmiem ta’ Alvaro Granados fisser l-ewwel Kampjonat Ewropew fl-istorja ta’ Spanja b’rebħa ta’ 11-10 kontra l-Kroazja fil-finali li proprju ntlagħbet fil-belt Kroata ta’ Zagreb. Ir-rebħa Spanjola waslet proprju b’rimonta fl-aħħar sessjoni u minbarra s-suċċess fil-finali, Spanja kisbet post awtomatiku għall-Olimpjadi li se jsiru aktar tard din is-sena.

Il-Kroati għandhom iħossuhom diżappuntati għal aktar minn raġuni waħda. Minbarra li kienu qed jiddefendu l-unur li rebħu fl-aħħar edizzjoni, huma ddiżappuntaw lill-pubbliku numeruż preżenti filwaqt li tilfu logħba li għal kważi l-ħin kollu kienu minn fuq.

L-uniku darba li Spanja kienet minn fuq b’eċċezzjoni għall-aħħar mumenti, kien meta Alberto Munarriz poġġiehom 3-2 minn fuq sakemm Ante Vukicevic ġab id-draw fl-azzjoni sussegwenti. Il-vantaġġ kiber għal 6-3 fil-bidu tat-tieni sessjoni bl-Ispanjoli iżda dejjem baqgħu qrib l-avversarji.

Il-Kroazja bdiet l-aħħar sessjoni 10-8 fil-vantaġġ. Kollox inbidel fl-aħħar nofs sessjoni. Bernat Sanahuja naqqas il-marġni f’azzjoni li fiha kellhom superjorità numerika. Alvaro Granados ġab id-draw b’gowl mis-sitt metri u l-istess plejer skorja l-gowl tar-rebħa bi ġmiel ta’ backhand 48 sekonda mit-tmiem. Il-Kroati pruvaw l-aħħar attentat u anki kellhom man-up, madankollu l-Ispanjoli ddefendew b’għaqal.

L-Italja kisbet il-midalja tal-bronż wara li rebħet 12-7 kontra l-Ungerija fil-partita għat-tielet u r-raba’ post. Din kienet l-ewwel midalja għas-Settebello waqt dawn il-Kampjonati f’għaxar snin. Il-Greċja temmet fil-ħames post wara rebħa ta’ 15-10 kontra l-Montenegro filwaqt li s-Serbja rebħet il-konfront għas-seba’ u t-tmien post kontra r-Rumanija 18-7.

Dan il-Kampjonat Ewropew oriġinarjament kellu jsir f’Iżrael iżda ġie rilokat f’Zagreb u Dubrovnik minħabba t-taqbida li għaddejja bejn l-Iżrael u l-Palestina. F’din l-edizzjoni ħa sehem it-tim nazzjonali Malti li kklassifika fil-15-il post wara rebħa bl-għoti tal-penalties kontra Iżrael. Din kienet il-ħames darba konsekuttiva li Malta lagħbet mal-aqwa 16 tal-Ewropa.