Il-familja ta’ raġel li miet wara li l-pulizija kellhom jużaw it-taser fil-konfront tiegħu u mbagħad spiċċa trankwiliżżat minnhom ressqet każ kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Uffiċjal Mediku Prinċipali tal-Gvern, fejn talbu danni ċivili għal dak li jgħidu li kienet negliġenza, nuqqas ta’ ħila u nuqqas ta’ osservazzjoni tar-regolamenti minn naħa tal-uffiċjali u tobba involuti li wassal għall-inċident fatali.
Ronnie Ghiller ta’ 48 sena kien miet b’attakk tal-qalb f’Mejju 2020, waqt li kien imrażżan minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, wara li kienu marru fuq il-post fuq rapport ta’ disturbanza ħdejn id-dar tiegħu f’Ħaż-Żabbar.
Immedjatament wara l-mewt ta’ Ghiller, il-pulizija kienet ħarġet stqarrija fejn tgħid li r-raġel kien aggressiv lejn tabib waqt li kien fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid. Ghiller kien ġie tasered mill-pulizija, qabel ma ngħata tranquiliser minn tabib tal-poliklinika, u wara kien tilef minn sensih. Huwa ttieħed l-isptar, fejn miet ftit tal-ħin wara.
Huwa kien irrifjuta li jsegwi l-ordnijiet tal-uffiċjali tal-pulizija li ntbagħtu fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żabbar b’reazzjoni għal rapporti li kien qed jitfa’ t-tajn fuq dawk li kienu għaddejjin. L-awtopsja stabbilixxit li Ghiller kien ħa l-kokaina ftit qabel l-inċident. Ħareġ li Ghiller dak iż-żmien kien qed jissielet bi problemi ta’ saħħa mentali.
Il-qraba tiegħu huma rrappurtati li osservaw li t-tossiċità tal-kokaina u l-espożizzjoni tat-taser biss kienu elenkati bħala l-kawża tal-mewt fuq iċ-ċertifikat tal-mewt ta’ Ghiller, mingħajr ma tissemma l-injezzjoni ta’ tranquiliser.
Inkjesta maġisterjali aktar tard stabbilixxiet li l-pulizija kienet segwiet li proċedura normali fis-seħħ dak iż-żmien, u ħelsilhom minn responsabbiltà kriminali fuq il-mewt. L-ittra ġudizzjarja, li ġiet iffirmata mill-avukati Kris Busietta u Jason Azzopardi, talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Uffiċjal Mediku Prinċipali biex fi żmien tliet ijiem li ġejjin iħallsu kumpens lill-familja ta’ Ghiller.
//= $special ?>