Kurżitajiet Lokali

Ġanni u Luċija jibqgħu l-aktar żewġ ismijiet popolari Maltin

Matul l-2023 kien hemm b’kollox 4,204 tarbija li twieldu Malta u ġew rreġistrati mir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta. Minn dawn 2,162 kienu subien u 2,042 kienu bniet. Din tfisser żieda ta’ 226 tarbija, jew ta’ 5.7% fuq is-sena ta’ qabel.

Fost l-aktar ismijiet popolari li bih ġew irreġistrati dawn it-trabi kien hemm Matteo, Noah, Luca u Jack għas-subien u Emma, Valentina, Julia u Nina għall-bniet. Għat-tieni sena konsekuttiva, l-aktar żewġ ismijiet popolari Maltin kienu Ġanni u Luċija.

Matul l-2023 ġew irreġistrati 3,915 mwiet f’Malta, li minnhom 1,943 kienu rġiel u 1972 li kienu nisa. Din tfisser li kien hemm żieda ta’ 132, jew ta’ 3.5%, mewt reġistrat fuq is-sena ta’ qabel. Ta’ min jinnota li fuq l-2023 in-numru ta’ persuni maskili reġistrati mejta żdied b’erba’ (4), dak tal-persuni femminili żdied b’136.

L-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku f’Mater Dei ra żieda ta’ 79 reġistrazzjoni ta’ twelid matul is-sena li għaddiet, filwaqt li n-notifiki ta’ mwiet naqsu b’126. Madankollu kienet reġistrata żieda fin-notifiki tal-mewt bil-posta li minn disgħa (9) fl-2022 telgħu għal 23 fl-2023. Il-proċess ta’ notifiki ta’ twelid u mewt online ukoll esperjenza tnaqqis.

Is-sena li għaddiet kien hemm 34 notifika ta’ twelid u 39 notifika ta’ mewt li kienu proċessati online. Matul is-sena ta’ qabel kien hemm 49 notifika u 99 notifika, rispettivament, li kienu proċessati online. Konferma kemm is-servizz offrut mill-uffiċċju f’Mater Dei huwa mfittex mill-Maltin.

Matul is-sena li għaddiet kien hemm 2,036 żwieġ irreġistrat mar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta; dan ifisser tnaqqis ta’ 201 żwieġ fuq is-sena ta’ qabel. Ma kienet irreġistrata l-ebda Unjoni Ċivili, filwaqt li n-numru ta’ koabitazzjonijiet irreġistrati tela’ għal 36, meta kkumparat mal-31 fis-sena 2022.

Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta s-sena li għaddiet ħareġ total ta’ 68,987 ċertifikat ta’ twelid, żwieġ, unjoni ċivili u mewt. Minn dawn 39,217-il ċertifikat (57%) kienu proċessati online filwaqt li 29,770 kienu proċessati mill-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku tal-Marsa. Ma’ dawn inħarġu wkoll 52 ċertifikat ta’ koabitazzjoni u 666 ċertifikat ta’ Stat Ħieles.