Lokali

“Għandna obbligu li nsaħħu s-sajd f’pajjiżna” – Bernard Grech

“Is-settur tas-sajd għandu jingħata aktar prijorità f’pajjiżna u għalhekk għandna l-obbligu li nsaħħu l-operat tas-sajjieda.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif it-Tlieta filgħodu il-Partit Nazzjonalista kompla bil-ħidma konsultattiva tiegħu bil-għan li jkompli jisma lis-setturi varji…u lill-ħaddiema li joperaw f’dawn l-oqsma.

Ritratt: Matthew Tabone

Waqt din il-laqgħa mal-Koperattiva tas-Sajd, ġie spjegat illi s-sajjieda professjonali dejjem qegħdin jonqsu – bis-sajjieda stess iqajjmu tħassib dwar il-fatt li s-sengħa tas-sajd jaf tintilef darba għal dejjem. Dan filwaqt li sostnew kif l-Gvern mhuwiex qed jiddiskuti mas-sajjieda, bl-ilmenti tagħhom qed jispiċċaw jaqgħu fuq widnejn torox.

Fost l-oħrajn, intqal illi f’Marzu li għadda l-Koperattiva tas-Sajd għaddiet numru ta’ kriterji lill-Ministeru b’rabta mal-liċenzjar tat-tonn bil-għan li jonqsu l-abbużi. Iżda sal-lum il-ġurnata għadhom bla risposta dwar dan.

Is-sajjieda qalu wkoll li l-multi relatat mas-sajd huma ħorox speċjalment meta bilkemm qed jingħataw għajnuna sabiex ikunu jistgħu joperaw.

Minn naħa tiegħu f’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq fuq l-importanza li jsiru dawn il-laqgħat mal-koperattivi.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina u mill-Whip u Shadow Minister għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi Robert Cutajar.