Bastiment għall-ġarr tal-merkanzija li qed ibaħħar taħt il-bandiera Maltija intlaqat minn missila li kienet sparata lejh mill-kosta tal-Jemen. Dan meta mifhum li l-bastiment spiċċa mira speċifika għall-milizji tal-Houthi f’dak il-pajjiż.
L-attakk kompla jżid mal-attakki tal-Houthi fuq il-bastimenti kummerċjali tad-diversi pajjiżi li qegħdin jivvjaġġaw mill-Baħar l-Aħmar …Rotta marittima mill-aktar importanti għat-trasport ta’ kunsinni lejn id-diversi reġjuni tad-dinja.
Il-bastiment bl-isem Zografia hu l-proprjetà ta’ kumpannija Griega u jaħsbu li l-inċident kien it-tielet wieħed li kien jinvolvi dan il-bastiment f’perjodu ta’ 24 siegħa.
L-inċident seħħ ftit sigħat wara li l-militar tal-Istati Uniti ħabbar li, jiem ilu, kien ħataf numru ta’ armamenti li l-Iran kien bagħat lill-Houthi fil-Jemen. Il-milizji tal-Houthi huma alleati kbar tal-Iran u tat-terroristi tal-Ħamas f’Gaza u kemm-il darba qed jisparaw il-missili lejn il-vapuri b’konnessjoni ma’ Iżrael u li qed ikollhom jgħaddu mill-ibħra ‘il hinn mill-Jemen.
Sadanittant, il-qawwiet tal-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, reġgħu laqtu aktar miri fiz-zoni tal-Jemen ikkontrollati mill-Houthi.
Dan wara li l-qawwiet Amerikani u tar-Renju Unit, fil-11 ta’ Jannar, kienu wettqu sensiela ta’ attakki mill-ajru lejn diversi miri tal-Houthi bħala ritalazzjoni kontra dawn il-milizji li baqgħu jattakkaw il-bastimenti kummerċjali irrispettivament mit-twissijiet li ngħatawlhom.
//= $special ?>