Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un, qal li spiċċat kull possibbiltà ta’ ‘unifikazzjoni’ mal-Korea t’Isfel u li l-Kostituzzjoni tal-Istat komunista għandha tinbidel biex tikkonferma lill-ġar bħala ‘l-għadu prinċipali’.
Kim Jong Un qal ukoll li se jingħalqu tliet organizzazzjonijiet li sa ftit ilu kienu inkarigati mir-reunifikazzjoni tal-Korej f’entità waħda.
Sadanittant, il-Korea t’Isfel qed titratta l-iżviluppi bl-aħbar serjetà u bit-Tmexxija f’Seoul tagħmilha ċara li għandha twieġeb ‘diversi drabi’ għal kwalunkwe provokazzjoni min-naħa tal-ġar komunista.
Il-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq ilhom separati mindu l-Gwerra Koreana tal-1950-53 intemmet b’armistizju u mhux bi ftehim konkret għall-paċi…Sitwazzjoni li tfisser li l-Korej baqgħu teknikament fi stat ta’ gwerra tul dawn is-snin kollha.
Min-naħa tiegħu, Kim, waqt diskors lill-Assemblea Suprema tal-Poplu fi Pyongyang, insista biex il-Kostituzzjoni tal-Korea ta’ Fuq, ‘il quddiem, tirrifletti anki t-tragwardi tal-Istat komunista f’każ ta’ gwerra oħra fil-penisola Koreana. It-tragwardi f’dan il-każ jinvolvu impenji militari biex il-Korea komunista ‘tokkupa lill-Korea t’Isfel u tinkorporaha bħala parti mit-territorju tagħha’.
//= $special ?>