Claudette Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg qalet li jeħtieġ azzjoni mmedjata dwar il-CGM għall-persuni bid-dijabete.
Meta kienet qed titkellem fl-Aġġornament tal-parlament Claudette Buttigieg qalet li t-teknoloġija tintuża b’mod essenzjali fis-saħħa. Hi spjegat li s-CGM hu disc li titwaħħal fuq il-ġilda tal-persuna li tbati bid-dijabete b’labra biex jittieħed il-qari tad-demm, tingħata informazzjoni dwar il-livell taz-zokkor u jkun identifikat x’possibbilment jista’ jiri fil-ħin li ġej.
Dan il-monitor jista’ jsalva l-ħajjiet, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li minkejja l-wegħda li dan is-servizz se jkompli jinfirex għadu ma seħħ xejn.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-pazjenti qed jonfqu €300 fix-xahar biex ikollhom dawn it-tip ta’ monitors.
Claudette Buttigieg qalet li dawn il-persuni qed jistennew li dan is-servizz jinfirex għax ma jistax ikun li wara li l-akbar problema fis-saħħa ġejja mid-dijabete, ikun hemm iktar komplikazzjonijiet minħabba nuqqas ta’ kontroll tal-istess dijbatae. Il-gvern mhux ikun għaqli meta ma jwaħħalx dawn il-monitors bl-ikbar għaġġla posibbli.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li hemm ukoll diskriminazzjoni kontra persuni li għax għandhom iktar età ma jittieħdux il-passi neċessarji biex ma jkollhomx komplikazzjonijiet.
Min għandu iktar minn 35 sena u jbati b’din il-marda jkun f’perjodu fejn ikun qed irabbu l-familji u għalhekk qed jiżdiedilhom piż finanzjrju f’mument importanti. Hi appellat lill-gvern biex jifhem l-importanza tal-monitoring u biex jiddaħħal screening fuq id-dijabete u fuq kundizzjonijiet oħra għaleix dan qed iwassal biex il-pajjiż jonfoq ħafna iktar flus u biex persuni bid-dijbatae ma jgħixux kwalità tal-ħajja xierqa.