Kultura Lokali

Joséf Bonello jinħatar Ambaxxatur tal-Inbid

L-MTA ħabbret li Joséf Bonello nħatar bħala l-ewwel Ambaxxatur Malti għall-promozzjoni tal-inbejjed li jiġu prodotti kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

F’dan ir-rwol il-ġdid Bonello se jkun qed jimmira li jgħolli l-portafoll u l-għarfien tal-inbejjed Maltin, kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tinsab fiduċjuża li Joséf Bonello se jistabbilixxi identità għall-inbejjed tal-Gżejjer Maltin u wkoll għall-inbejjed Mediterranji permezz tal-esperjenza kbira u l-imħabba tiegħu lejn is-settur tal-inbid.

L-imħabba lejn l-industrija tal-inbid għal Bonello bdiet aktar minn tletin sena ilu meta fabbrika lokali tal-inbid tagħtu l-opportunità li jimmpromwovi l-inbejjed Maltin. Matul il-karriera tiegħu huwa kiseb esperjenza vasta mingħand dawk li jipproduċu l-inbid kif ukoll importaturi tal-inbid lokali li tawh l-opportunità li jirrappreżenta nbejjed minn madwar id-dinja kollha.