Is-Sagħtar iġib miegħu mhux biss nostalġija għal dawk li twieldu bejn is-sebgħinijiet u d-disgħinijiet imma għadu jqanqal ukoll interess qawwi fil-qarrejja adolexxenti u fit-tfal sal-lum il-ġurnata. Bħala fondazzjoni, Fondazzjoni Sagħtar dejjem tagħmel li tista’ biex tħoss il-polz tal-udjenza tar-rivista billi żżommu aġġornat bl-aħħar materjal. Id-dehra waħedha hija xhieda ta’ dan u turi kemm is-Sagħtar żviluppa maż-żminijiet, aġġorna ruħu fejn kien hemm bżonn u ħa xejra kontemporanja li tolqot il-gosti tat-tfal fiż-żminijiet tal-lum.
Kien għalhekk li nħass il-bżonn li nwessgħu l-orizzonti ta’ din ir-rivista, li baqgħet tant għal qalb il-Maltin, billi nkomplu nwassluha għand in-nies permezz ta’ mezzi ġodda. F’dawn l-aħħar snin is-Sagħtar daħal fid-dinja diġitali permezz tas-sit u tal-app, li ntlaqgħu tajjeb ferm.
Diversi programmi televiżivi qed jagħtu wkoll l-opportunità lill-Fondazzjoni biex tippromwovi din ir-rivista biex tkompli tasal fid-djar tan-nies. Illum nistgħu ngħidu li r-radju qed jerġa’ jikseb popolarità kbira, u għalhekk wasal iż-żmien li s-Sagħtar jasal għand in-nies ukoll permezz tar-radju.
Sagħtar FM huwa kunċett ġdid li qed jagħti pjattaforma lill-kontributuri tas-Sagħtar, li ħafna minnhom huma wkoll awturi rinomati u maħbubin ferm mill-qarrejja. Qed jagħti wkoll l-opportunità lit-tfal biex jidħlu fid-dinja tar-radju, jiltaqgħu mal-qarrejja, li s-soltu jkunu raw biss isimhom fuq xi ktieb l-iskola jew id-dar, u jkabbru l-għarfien tagħhom fuq il-qari u l-kitba.
Fil-fatt fit-tielet programm ta’ Sagħtar FM xi tfal kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ idolu
tagħhom – Trevor Żahra. Trevor għandu rabtiet qawwija mas-Sagħtar bħala membru fil-bord editorjali għal diversi snin kif ukoll bħala kontributur ewlieni tar-rivista għal snin twal. Fil-fatt uħud mill-akbar kitbiet tiegħu raw il-bidu tagħhom propju f’din ir-rivista.
Fl-intervista nħassu sew l-imħabba u l-apprezzament li Trevor għandu għar-rivista Sagħtar. Kliemu juri biċ-ċar kemm verament baqa’ jemmen fil-kontribut li din ir-rivista tagħti lil-lingwa Maltija u lill-qari
b’mod ġenerali. Trevor għadda wkoll messaġġi importanti lil dawk kollha li tinteressahom il-
kitba. Hu qal li “bħalma atleta għandu jittenja kuljum, hekk ukoll kittieb tajjeb għandu jaqra kuljum.”
Sagħtar FM qed jagħti wkoll l-opportunità lill-kontributuri biex jiltaqgħu ma’ xulxin. Fil-fatt spiss se jkun qed ilaqqa’ l-awturi mal-illustraturi li jaħdmu flimkien biex itellgħu l-artikli tas-Sagħtar iżda li qatt ma kellhom l-opporunità li jiltaqgħu. Huwa wkoll mod sabiħ kif dawn iħabbtu l-ideat flimkien biex anke jinħoloq materjal ġdid. Permezz ta’ dan il-programm il-Fondazzjoni għandha wkoll l-għan li turi l-apprezzament tagħha lill-kontributuri, li nistgħu ngħidu li huma l-magna ta’ din ir-rivista. Huwa bis-saħħa tax-xogħol tagħhom li s-Sagħtar baqa’ dejjem jikseb suċċess kbir.
Fil-programm qed tinżamm ukoll ir-rabta mar-rivista billi jinkludi rkejjen li ta’ kull xahar ikunu
parti minnha. Fost l-irkejjen insibu dik imsejħa “Stilel”, li hi tant popolari u li, grazzi għal Antonio Olivari, qed tibqa’ tinżamm ħajja kull xahar; il-ħaġa moħġaġa u l-kurżitajiet, li tant jinżlu għasel mas-semmiegħa, grazzi għal Claudia Cini, li tagħti kontribut kbir lis-Sagħtar; kif ukoll il-qari ta’ siltiet minn irkejjen diversi, fejn l-awturi jkollhom l-opportunità jaqraw il-kitbiet tagħhom stess waqt il-programm. Dawn kollha huma mezzi kif il-kontributuri jingħataw il-ġieħ mistħoqq.
Il-feedback tan-nies juri biċ-ċar kemm dan il-programm qed jintlaqa’ b’mod tajjeb. Fil-fatt is-semmiegħa u s-segwaċi spiss qed jirreferu għalih bħala dak il-programm li qed jolqot l-interessi ta’ udjenza varjata billi joffri xalata ta’ informazzjoni, intervisti interessanti, xi ftit nostalġija għal dawk li, kif qalet l-illustratriċi Nadine Debattista Briffa, “is-Sagħtar kien parti integrali mit-tfulija” tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar billi jagħti kontribut lil-lingwa Maltija sabiex tkompli tissaħħaħ fir-rikkezzi tagħha.
//= $special ?>