Internazzjonali

L-Iraq: L-Istati Uniti tikkundanna lill-Iran dwar l-attakki fuq Irbil

L-Istati Uniti kundannat lill-Iran dwar l-isparaturi ta’ missili ballistiċi lejn il-belt ta’ Irbil, fin-naħa ta’ fuq tal-Iraq.

L-isparaturi seħħew matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta u l-uffiċjali f’Washington fissru l-azzjoni bħala ‘waħda impreċiża u li saret mingħajr l-ebda rispett għall-konsegwenzi’.

Min-naħa tagħha, il-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran – il-qawwa elit ta’ dan il-pajjiż Iżlamiku – qegħdin jgħidu li l-missili kienu indirizzati għal allegati ‘kwartieri għall-ispjuni Iżraeljani’ fir-reġjun semi-awtonomu ta’ Kurdistan.

Fl-attakk, inqatlu erba’ ċivili, b’ħafna oħrajn jindarbu – u bl-uffiċjali f’Bagdad jesprimu rabja kbira għall-azzjoni.

Fil-fatt, l-Iraq, fl-aħħar sigħat, irtira lill-ambaxxatur tiegħu minn Tehran għal żmien indefinittiv, waqt li, fi stqarrija, ikkundanna l-isparaturi bħala ‘abbuż sfaċċat tas-sovranità tal-poplu Iraqi’.