Lokali Parlament

L-Ispeaker jappella għal ftehim biex ikunu diskussi l-mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni


L-Ispeaker Anġlu Farrugia appella lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex jilħqu ftehim dwar meta se jkunu diskussi s-seba’ abbozzi u mozzjonijiet li l-Oppożizzjoni għandha dritt ressaq fil-parlament.


Dan l-appell l-Ispeaker għamlu f’ruling li ta llum fil-parlment wara talba li għamlet l-Oppożizzjoni l-ġimgħa li għaddiet.


Kien il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar li ressaq dan il-każ fil-parlament meta sostna li kien skatta ż-żmien biex ikunu diskussa s-seba’ abbozzi mressqa mill-PN għad-diskussjoni. Dawn l-abbozzi ilhom perjodu twil imressqa iżda mhux identifikati, uħud minnhom sa mill-2022.


Il-pożizzjoni tal-Gvern hi li l-Oppożizzjoni għandha tindika liema abbozzi hi trid tagħti prijorità biex ikunu diskussi għaliex ma jistax ikun hemm seba’ abbozzi tal-Oppożizzjoni fuq l-aġenda tal-parlament.


Għal din il-pożizzjoni tal-Gvern, l-Oppożizzjoni qalet li għaliha l-abbozzi huma kollha importanti. Dawn l-abbozzi jitrattaw il-kultura, ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Daphne Caruana Galizia, il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, it-tnaqqis fil-ħela tal-ikel, l-ambjent, aspetti ġudizzjarji u l-Konvenzjoni Ewropea.
Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker qal li hi prerogattvi tal-gvern dwar liema xogħol jittella’ fuq l-aġenda tal-parlament iżda jifhem il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar is-seba’ abbozzi.


Is-Sedja qalet li għandu jkun hemm ftehim biex l-abbozzi jkunu pubblikati biex jittellgħu għad-diskussjoni u sostna li mhux feliċi li l-mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni jiddependu mid-deċiżjonijiet tal-gvern.


Hu qal li għandu jkun faċilitat il-mod kif l-Oppożizzjoni jkollha l-mod kif tressaq il-mozzjonijiet, kif isir il-parlament Ingliż.