L-eks President tal-Istati Uniti, Donald Trump kompla jikkonsolida postu bħala l-favorit assolut li jikkuntesta mill-ġdid għall-Presidenza ta’ pajjiżu għan-nom tal-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni.
Dan meta Trump kiseb rebħa impressjonanti ħafna fil-caucuses ta’ Iowa, biex b’hekk kompla jkabbar id-distakk mar-rivali li wkoll qed jippruvaw għall-kandidatura Repubblikana.
Il-caucuses – li jsiru qabel kull elezzjoni Presidenzjali – huma proċessi fejn il-membri lokali ta’ partit politiku (fl-Istati Uniti) jirreġistraw il-preferenzi tagħhom fost il-kandidati li qed jissieltu għad-dritt biex imexxu lill-Istati Uniti wara l-elezzjoni li għandha ssir f’Novembru ta’ din is-sena.
Intant, Iowa hi l-ewwel fost l-Istati Amerikani fejn se jsiru caucuses simili li fihom il-votanti Repubblikani jagħżlu l-kandidat ippreferut għall-White House. Il-proċess li jmiss għandu jsir fl-Istat ta’ New Hampshire u l-kandidati Repubblikani, fl-aħħar sigħat, kienu qed jivvjaġġaw għal hemm bi tħejjija għall-primarji li jsiru nhar it-Tlieta, it-23 a’ Jannar.
It-tieni kandidat favorit għan-nomina tal-Partit Repubblikan hu l-Gvernatur ta’ Florida, Ron DeSantis li fl-aħħar jiem mexxa kampanja intensiva f’ Iowa. Iżda waqt li DeSantis irnexxielu jegħleb bi ftit l-isfida ta’ Nikki Haley, l-eks-Ambaxxatur tan-Nazzjonijiet Uniti, ftit huma dawk li jemmnu li l-Gvernatur jista’ jissupera lil Trump fit-tellieqa għall-kandidatura tal-partit.
Hu wkoll sinifikanti l-fatt li Vivek Ramaswamy, imprenditur tal-biotech, irtira mit-tellieqa għall-kandidatura Repubblikana u fejn tenna li minn issa ‘il quddiem għandu jappoġġja lil Donald Trump fil-kampanja.
Min-naħa tiegħu, Donald Trump deher entużjażmat wara r-rebħa u, waqt li kien qed iwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti, qal li ‘irid jirranġa l-problemi tad-dinja ( ladarba jilħaq President)’.
F’diskors li għamel lis-sostenituri f’Iowa, Trump esprima tama li l-Amerikani kollha jissieħbu flimkien f’għan wieħed lejn it-tnaqqis tal-kriżijiet u t-tensjoni fir-reġjuni ‘il hinn mill-Istati Uniti….Dan ukoll meta d-dinja qed issegwi b’attenzjoni l-proċessi ta’ qabel l-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru li għandha tħalli konsegwenzi u riperkussjonijiet fuq livell globali.
//= $special ?>