L-MEP Laburista Josianne Cutajar ħabret li mhux se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir f’Ġunju li ġej. B’informazzjoni li għandu Net News tindika illi Cutajar kellha tiritira l-kandidatura tagħha wara li saret pressjoni biex terġa’ tidħol fix-xena l-eks Ministru Laburista Justyne Caruana.
Jirriżulta li l-Prim Ministru Robert Abela kellem diġa’ lil Justyne Caruana… biex ikun mexa bl-istess kejl li mexa bih mal-eks Deputat Laburista Rosianne Cutajar – illi minkejja dak kollu li għamlet, se terġa’ tingħata opportunità oħra biex tingħaqad mal-Partit Laburista.
Justyne Caruana kienet irriżenjat minn Ministru tal-Edukazzjoni u mill-Partit Laburista wara li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sabha ħatja ta’ ksur ta’ etika u abbuż ta’ poter meta tat trattament preferenzjali lis-sieħeb tagħha bl-użu ta’ fondi pubbliċi.
Issa, l-Prim Ministru Robert Abela kien kostrett jerġa’ jkellem lil Justyne Caruana… b’persuni fi ħdan il-Lajber stess qed jgħidu li din il-mossa saret sabiex Caruana tkun kandidata għall-elezzzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
U kien Robert Abela innifsu li semma’ lil Justyne Caruana meta it-Tnejn ħa sehem fil-programm Xtra fuq ix-Xandir Nazzjonali.
Minn naħa tagħha, l-MEP Laburista Josianne Cutajar affaċjat pressjoni enormi biex titwarrab.
Hi ġejja mill-fazzjoni tal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri – u għalhekk jidher li beżgħet li se tispiċċa umiljata f’din l-elezzjoni.
Kien propju għal din ir-raġuni illi wara li kienet diġà tefgħet in-nomina tagħha biex tkun kandidata għal dawn l-elezzjonijiet Ewropej, issa iddeċidiet li tirtira l-kandidatura tagħha.
Filwaqt li fissret id-deċiżjoni tagħha bħala waħda diffiċli, Josianne Cutajar qalet li din kienet għażla li kien hemm bżonn li ssir f’dan l-istadju ta’ ħajjitha.
Intant, jidher li din l-aħbar intlaqgħet b’mod tajjeb minn Cyrus Engerer li b’dan l-iżvilupp issa għandu aktar tama li jista’ jkun elett. Però sorsi qed jgħidu illi għall-Partit Laburista … jkun aħjar li jibqa’ jimbotta lill-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba u l-kandidati Laburisti ġodda Steve Ellul u Clint Flores.