Il-Policy Note tal-Bank Ċentrali maħruġa fit-8 ta’ Jannar 2024 tikkonferma stampa inkwetanti, fejn dawk bi dħul baxx u l-pensjonanti qed jiffaċċjaw l-ogħla livell ta’ inugwaljanza fl-istorja meta mqabbla ma’ gruppi oħrajn minħabba l-kriżi tal-għoli tal-ħajja. Minflok jgħin lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli, Robert Abela insihom u qed jibqa’ ċass u bla soluzzjonijiet għall-kriżi tal-għoli tal-ħajja.
Hekk qal il-PN, fi stqarrija maħruġa mid-deputati Ivan Castillo, Graham Bencini u Ivan Bartolo.
Il-maġġoranza tad-dħul għal dawk bi dħul baxx u l-pensjonanti jintefaq fuq l-ikel, is-saħħa u household services. Il-prodotti b’rabta ma’ dawn il-ħtiġijiet huma l-aktar affettwati miż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Filwaqt li dan hu fatt magħruf, il-Gvern Laburista jibqa’ ma jagħmel xejn biex jindirizza l-problema tal-għoli tal-ħajja, li qed tkompli tkisser lil dawk bi dħul baxx u lill-pensjonanti.
Il-wegħda ta’ middle class ġdida sparixxiet mill-vokabularju tal-Partit Laburista, bħalma sparixxiet ukoll il-middle class. L-inabbiltà li l-Gvern jiddentifika s-soluzzjonijiet se tkompli titfa’ piż u żżid l-inugwaljanza bejn l-income groups.
Joħraġ ċar ukoll li d-disposable income, (jiġifieri l-flus fil-bwiet tal-ħaddiema u n-negozji) naqas. Informazzjoni li ħarġet mill-Bank Ċentrali tindika dan kollu. Sinjal ċar li l-Gvern Laburista falla fil-glieda kontra l-għoli tal-ħajja u fil-ġlieda tar-riperkussjonijiet li jiġu mill-għoli tal-ħajja.
Il-Gvern għadu jrid jifhem il-ħtieġa li jsir House Hold Budget Survey urġenti biex jifhem aħjar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-familji Maltin u Għawdxin, filwaqt li jindirizza aħjar l-għoli tal-ħajja.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern jibda jwettaq il-pjan tal-Partit Nazzjonalista fejn:
- Iż-żieda tal-COLA ma tkunx taxxabbli.
- Jingħataw krediti ta’ taxxa lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA.
- Jinħoloq Fond Nazzjonali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-għoli tal-ħajja.
- Li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li joħolqu xogħlijiet ta’ kwalità.