L-aħħar publikazzjoni minn Heritage Malta, li ġġib l-isem ‘Antoine Camilleri’s Prayer: A Critical Analysis’, toffri vjaġġ uniku fid-dinja tal-artist lokali Antoine Camilleri permezz ta’ ħarsa mill-qrib tax-xogħol tiegħu ‘Prayer’.
Miktub minn Joseph Paul Cassar; li huwa nnifsu ra dan ix-xogħol jinħoloq u kien spiss jiddiskuti mal-artist dwar il-ħsibijiet ewlenin warajh, dan il-ktieb joffri mod ġdid kif wieħed jista’ jistudja xogħol Camilleri. Cassar jagħżel li jmur fil-fond fuq dan ix-xogħol wieħed biss mill-1982, għaliex fl-opinjoni tiegħu jiġbor fih l-essenza tax-xogħol kollu tal-artist.
‘Prayer’ hija pittura li l-artist ħoloq meta kien diġa’ kellu 60 sena, f’punt komdu ħafna tal-karriera tiegħu, u turi l-artist fl-istudjo tiegħu magħruf bħala l-‘Kantina’, li kienet litteralment kantina fil-Belt Valletta. Ħafna xogħlijiet oħrajn tiegħu jidhru mdendla mal-ħitan ta’ dan l-ispazju kwiet mżewwaq b’arkati.
Din il-publikazzjoni hija studju intimu tagħha, li joffri ħarsa eqreb u aktar sħiħa ta’ dak li fiha, u apprezzament u fehim aħjar tal-ġenju ta’ Antoine Camilleri.
Il-pubbliku interessat huwa mistieden li jattendi t-tnedija uffiċċjali ta’ dan il-ktieb, li se tittella’ nhar l-Erbgħa 24 ta’ Jannar, f’ MUŻA, fil-Berġa tal-Italja fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta fis-18:00. M’hemmx bżonn li tirriserva postok. Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, is-Sur Mario Cutajar, flimkien mal-awtur il-Professur Cassar se jkunu preżenti.
Matul din l-okkażjoni il-Professur Cassar se jiddiskuti s-sejbiet mir-riċerka tiegħu fuq dan ix-xogħol artistiku u se jkun jista’ jiffirma l-kotba, li se jkunu għall-bejgħ għal prezz mraħħas ta’ €20, offrut għal din l-okkażjoni. Il-ktieb jista’ jinxtara wkoll għal €25 minn fuq is-sit elettroniku ta’ Heritage Malta, u se jkun disponibbli mill-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta fil-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>