Lokali

“Robert Abela injora l-appell dwar il-COLA”

“Lill-Gvern ta’ Robert Abela tajnieh soluzzjoni sabiex ikun jista’ jiġġieled il-pjaga tal-għoli tal-ħajja iżda ddeċieda li jinjora kompletament dan is-suġġeriment – u baqa’ jintaxxa l-COLA.”

Dan sostnieh il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella matul il-programm Opinjoni…fejn stqarr illi minkejja l-COLA mnaqqsa li qed jingħataw eluf ta’ familji xorta qed ikollhom joħorġu ħafna aktar minn hekk għal xirja bażika. Fil-fatt, Vella stqarr illi huwa inkwetanti ħafna li hawn daqshekk familji li mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

Apparti minn hekk Josef Vella fakkar kif qabel il-Budget il-unions kollha appellaw lill-Gvern sabiex ma jibqax jintaxxa l-COLA – iżda dan l-appell waqa’ fuq widnejn torox.

Minn naħa l-oħra, meta kienu qed jddiskutu l-kwalità tal-ħajja Silvan Mifsud li jagħmel parti mill-Kamra tal-Kummerċ stqarr illi t-toroq magħluqin, il-bini esaġerat, it-traffiku kif ukoll iż-żieda fil-prezzijiet qed iħallu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja.

Dan apparti li ilmenta dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni minn naħa ta’ Gvern rigward is-suppost ftehim li s-supermarkets inaqqsu ċertu prezzijiet ta’ ftit prodotti bażiċi b’15%.

Hawnhekk il-President tal-Kamra tan-Negozji żgħar u medji Paul Abela qal li b’dan il-ftehim il-ħwienet iż-żgħar spiċċaw f’kompetizzjoni mas-supermarkets; b’ħafna ħwienet żgħar qed jispiċċaw jagħlqu l-bibien tagħhom. Paul Abela saħaq li b’dan il-ftehim il-Gvern se jkompli jkisser lin-negozji ż-żgħar.

Il-pjaga tal-għoli tal-ħajja ripetutament ddominat l-aħbarijiet matul is-sena li għaddiet hekk kif aktar u aktar familji mhux qed ilaħħqu maż-żieda esaġerata fil-prezzijiet…żieda li qed tidher minn jum għall-ieħor. Iżda għall-Gvern ta’ Robert Abela diġà sar biżejjed sabiex titaffa din il-problema – stqarrija li l-unions ma jaqblux dwarha.