Lokali Qorti

Sentenza sospiża flok effettiva fuq każ ta’ traffikar ta’ droga li seħħ 25 sena ilu

Raġel ta’ 62 sena, li kien ilu jabbuża mid-droga sa minn meta kien għadu tifel kellu s-sentenza tiegħu ta’ sitt xhur ħabs effettivi sospiżi mill-Qorti tal-Appell b’rabta ma’ każ ta’ traffikar ta’ droga li seħħ 25 sena ilu u li iżda minn dak iż-żmien ħareġ mill-vizzju. Il-Qorti fl-għoti tas-sentenza tagħha qieset ukoll it-trapass taż-żmien.

Il-Qorti qalet li tul is-snin Joseph Rizzo abbuża minn diversi tipi ta’ droga anke jekk prinċipalment mill-cannabis. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri qalet li jirriżulta li din hi l-unika kawża li Rizzo għandu fi stadju ta’ appell.

Il-fatt li jirriżulta li l-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga nforma lill-Qorti li l-imsemmi Bord kien sodisfatt bil-proċess ta’ riabilitazzjoni tiegħu tant li għalaq il-każ b’suċċess. Il-Qorti tal-Appell qalet li hi tal-fehma li Rizzo huwa kandidat idoneu sabiex fil-konfront tiegħu tiġi applikata l-liġi f’każijiet bħal dawn.

Ir-reat li dwaru hu qed jiġi misjub ħati huwa prinċipalment attribwibbli għad-dipendenza tiegħu fuq id-droga, Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell bidlet il-piena ta’ priġunerija mogħtija mill-Ewwel Qorti għal waħda ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn. Dwar il-multa ta’ €2,000 li l-Ewwel Qorti kkundannatu jħallas, ingħad li din il-multa taqa’ fil-parametri tal-liġi u ma tara l-ebda raġuni għala għandha tnaqqasha.

Joseph Rizzo kien mixli bi traffikar u pussess ta’ kokaina fl-20 ta’ Settembru 1998 u snin preċedenti. Huwa kien akkużat ukoll bi traffikar ta’ ecstasy aggravat u li wettaq ir-reat sa 200 metru minn skola jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

F’Novembru 2020, il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati ta’ traffikar u pussess tal-kokaina iżda ħelsietu mit-traffikar tal-ecstasy. Huwa kien ġie kundannat sitt xhur ħabs u multa ta’ €2,000. Rizzo appella mis-sentenza, li kienet milqugħa in parte mill-Imħallef Camilleri.

Il-Qorti semgħet li xhur qabel ma tressaq il-Qorti, il-pulizija kienet arrestat żewġt irġiel, James Muscat u Clifford Sultana. Huma kienu nqabbdu bid-droga u t-tnejn semmew lil Rizzo li tahielhom. Dan wassal biex il-pulizija arrestatu u akkużatu bi traffikar ta’ droga.

Il-Qorti semgħet liż-żewġt irġiel jixhdu kontra Rizzo, il-pusher u l-karozza li kien qed isuq li kellha xi marki jiddistingwuha, fosthom reklam kbir. Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta innotat li għalkemm Sultana kien qal li ma għarafx lil Rizzo fl-awla, kien qed jagħmel dan biex jipprova jipproteġih.

Osservat li skont rapport ta’ psikologu, Rizzo kien abbuża mid-droga sa minn età żgħira u prova diversi drogi iżda l-aktar il-cannabis. Il-Qorti qieset kemm dawn iċ-ċirkostanzi kif ukoll li l-każ ilu li seħħ mill-1998. Il-Qorti ordnat lil Rizzo li l-multa ta’ €2,000 li trid titħallas f’10 pagamenti.