Il-Gvern spiċċa jiddiskrimina kontra l-Kunsilli Lokali Għawdxin. Dan wara li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ħareġ skema ta’ fondi għall-Kunsilli sabiex jirrestawraw postijiet storiċi fil-lokalità tagħhom – skema li għal xi raġuni, ma tapplikax għall-Kunsilli Għawdxin.
Fi stqarrija, il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex insista li l-Għawdxin għandhom ikollhom l-istess trattament daqs il-Maltin. Dan filwaqt illi insista li m’hemm ebda bażi għal din id-diskriminazzjoni – mossa li ħalliet barra kompletament Reġjun sħiħ, li jiġbor 14-il Kunsill Lokali.
Stqarrija maħruġa mid-deputati Alex Borg u Chris Said
Wieħed ma jistax jifhem għaliex u kif ikollok id-Dipartiment għall-Gvern Lokali joħroġ skema għall-Kunsilli Lokali u l-Kunsilli Lokali Għawdxin ġew esklużi milli japplikaw għall-iskema ta’ restawr ta’ postijiet storiċi.
Illum għandna tliet Ministri Għawdxin u s’issa ħadd ma lissen kelma dwar din id-diskriminazzjoni sfaċċata.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern u l-Membri Parlamentari Laburisti Għawdxin għandhom jingħaqdu flimkien mal-Partit Nazzjonalista u jitolbu spjegazzjoni għaliex il-Kunsilli Lokali Għawdxin ġew esklużi minn din l-iskema, filwaqt li jaraw li din id-deċiżjoni tkun riveduta.
Il-Gvern ma jistax jgħid b’ħafna pompi li għandu ħafna strateġiji sbieħ fuq il-karta għal Għawdex, iżda mbagħad joffri realtà bil-bosta ‘l bogħod minn dak li hemm miktub fuq il-karta, anzi saħansitra l-kuntrarju ta’ dak li jinkiteb fuq il-karta.
Għawdex mhux tat-tieni klassi.
//= $special ?>