Il-Maġistrat Rachel Montebello ma sabitx ħatja żewġ Pulizija tat-traffic b’rabta ma’ frodi ta’ ‘extra duties’ aktar minn erba’ snin ilu. Is-Surġenti Matthew Azzopardi ta’ 46 sena minn Ħal Luqa u Francis Larry Sciberras ta’ 51 sena mill-Fgura, li kienu jaħdmu fit-taqsima tat-traffiku tal-Korp tal-Pulizija, ma nstabux ħatja ta’ frodi u li għamlu dikjarazzjonijiet foloz b’rabta mal-extra duties għall-kontrolli tat-traffiku li kienu miftehma jagħmlu fuq numru ta’ proġetti infrastrutturali fl-2019.
Azzopardi u Sciberras kienu fost aktar minn 30 Pulizija li kienu tressqu l-Qorti b’rabta ma’ allegati reati simili. Quddiem l-istess Maġistrat għad iridu jiġu ġġudikati diversi Pulizija oħra b’rabta ma’ dan il-każ, b’Pulizija oħra qegħdin jistennew l-eżitu tas-sentenza quddiem il-Maġistrati Mars Anne Farrugia, Ian Farrugia, Leonard Caruana u Claire Stafrace Zammit.
Huma kienu bdew jiġu investigati wara allegazzjonijiet li saru b’mod anonimu dwar serq ta’ fuel, skartar fuq il-post tax-xogħol, towing ta’ dgħajjes fuq l-idejn u ħlas ta’ protection money. L-investigazzjoni ffokat b’mod ewlieni fuq allegat skartar fuq il-post tax-xogħol minn uffiċjali tal-Pulizija fis-Sezzjoni tat-Traffiku li kienu jiġu allokati ‘voluntary extra duty’.
Il-Maġistrat Rachel Montebello, semgġħet lill-Prosekuzzjoni tgħid li l-imputati kienu parteċipi f’komplott organizzat u maħdum minn diversi uffiċjali tal-Pulizija fis-Sezzjoni tat-Traffiku, biex b’qerq jitħallsu għal extra duty li ma jkunux wettqu. Dan dejjem kien miċħuda mill-Pulizija inkwistjoni.
Dan l-extra duty kien isir fuq talba ta’ Transport Malta fiż-żmien tal-proġett tal-bini tal-flyovers tal-Marsa u proġetti oħra li kienu qed jitwettqu minn Infrastructure Malta. It-teżi tal-Prosekuzzjoni dejjem kienet li għal diversi drabi l-Pulizija ma kinux ikunu fuq il-post tax-xogħol fejn kellhom ikunu stazzjonati.
Akkuża oħra kienet tgħid li kienu jaħdmu ‘extra dut’y’ waqt il-ħin tax-xift normali tax-xogħol u kienu jirċievu l-ħlas huma stess meta f’każijiet li l-extra duty jinħadem waqt ħin normali tax-xogħol, għax ma jkunx hemm biżżejjed pulizija.
Is-Surġent Azzopardi qal fix-xhieda tiegħu li kien jaħdem l-extra duty li kien jiġi allokat lilu u li kien talab biex ma jibqax jingħata xogħol żejjed. Qal li l-ħlasijiet tal-extra duty kien jirċevihom diversi xhur wara li jkun sar ix-xogħol u qatt ma rċieva ħlasijiet f’paga li dehru li kienu eċċessivi għall-ammont ta’ xogħol li kien jaħdem.
Punt li semma’ Azzopardi u anke numru ta’ Pulizija oħra akkużati b’dawn ir-reati kien li waqt l-‘extra duty’ li kien jaħdem għal Transport Malta ma kienx ikun fixed point iżda kien ikun ‘roaming’, idur maż-żona bil-mutur u spjega illi l-iskop ta’ mutur hu biex jiċċaqlaq skont l-esiġenzi tat-traffiku u ma jkunx statiku.
Tenna li kellu struzzjonijiet biex jiżgura li ż-żona tibqa’ ħielsa minn akkumulazzjoni ta’ traffiku, iżda qatt ma abbanduna ż-żona dettaljata lilu bħala extra duty. Huwa ċaħad li kien jagħmel xogħol extra duty waqt il-ħin tax-xogħol. Għaldaqstant innega għal kollox li hu kien jitħallas meta ma kienx ikun xogħol.
Sciberras ma xehedx kif kellu dritt li jagħmnel skont il-liġi iżda ta stqarrija waqt l-interogazzjoni li fiha qal kien jingħata struzzjonijiet ġodda biex imur jaqdi postijiet oħra fejn kienu qed isiru xogħlijiet minn Infrastructure Malta.
Bħal Azzopardi, qal li kien ikun bil-mutur f’postijiet differenti u li l-extra duty ma jfissirx li jrid jibqa’ l-ħin kollu f’post speċifiku. Huwa ċaħad li qatt għamel xogħol ta’ extra duty waqt il-ħin tax-xogħol tiegħu. Il-Qorti, fis-sentenza tagħha qalet li ma nġabitx prova li kien hemm xi komunikazzjoni u kuntatt bejn l-imputati u l-allegat moħħ wara din il-konfoffa ta’ kif ikun ġie assenjat jew ikun inħadem l-‘extra duty’ tiegħu, wisq anqas xi prova li ngħataw xi struzzjonijiet biex ma jirrapportawx għax-xogħol, jaqdu doveri ta’ ‘extra duty’ waqt il-ħin normali tax-xogħol, jew jaqdu dmirijiet oħrajn mhux relatati mad-detail tal-‘extra duty’ allokat matul il-ħin tal-‘extra duty’.
Il-Maġistrat qalet li l-provi li ressqet il-Prosekuzzjoni “huma fjakki wisq biex jikkonvinċu lill-Qorti” li l-imputati kienu parti minn skema maħsuba biex tqarraq lill-Korp tal-Pulizija jew lill-klijent li jkun talab is-servizzi tal-Pulizija fuq bażi ta’ ‘extra duty’. Qalet ukoll li mhux provata l-kompliċità bejn l-imputati u terzi biex iqarrqu.
Ingħad ukoll li jista’ jkun forsi skartaw waqt il-ħin tal-extra duty u dan ma jfissirx li wettqu xi reat iżda jfisser biss li l-imputati minflok wettqu dmirijiethom, baqgħu passivi, u żgur ma jfissirx li b’daqshekk inħolqot xi messa in xena biex jingannaw lill-Korp tal-Pulizija u jew lill-klijent, biex jemmnu li s-servizz kien qed jingħata.
Il-Qorti nnotat ukoll kif is-sistema tal-extra duty kienet titħallas mill-klijent lill-Korp, fosthom minn Transport Malta u Infrastructure Malta, imbagħad l-uffiċjal tal-Pulizija kien jitħallas għall-extra duty mill-Korp skont il-ftehim kollettiv.
Qalet li jekk xejn, jekk kien hemm min sofra xi dannu, kien il-klijent mhux il-Korp. Qalet li jekk il-klijent ħass li ma ngħatax is-servizz kien iwaqqaf is-servizz u mhux jibqa’ jitolbu. Kif diġa ġie stabbilit, qalet il-Qorti ma jirriżultax li l-imputati kellhom xi nvolviment fil-ħruġ tal-fatturi għall-ħlas tal-extra duty, anke
dawk li qed jiġi allegat li kien fihom dikjarazzjonijiet foloz jew tagħif falz dwar il-ħinijiet ta’ ħidma ta’ ‘extra duty’.
Meta qieset kollox il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ tagħhom u illiberathom minn kull ħtija u piena. Għal Azzopardi deher l-Avukat Mario Buttigieg filwaqt li għal Sciberras deher l-Avukat Ludwig Caruana. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lianne Bonello
//= $special ?>