Elezzjonijiet 2024 Lokali

Agius Saliba f’paniku: Il-media indipendenti tikxef il-gidba fuq Roberta Metsola

Is-16 ta’ Jannar kienet ġurnata li l-MEP Laburista, Alex Agius Saliba ma tantx se jinsa’ malajr. U dan mhux b’mod pożittiv.

Hekk kif sar magħruf li Steve Ellul – bl-appoġġ sħiħ tal-Prim Ministru u tal-Ministru, Miriam Dalli – ġie approvat bħala kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Agius Saliba nqabad f’paniku kbir. U f’dan l-istess paniku, bl-għaġġla biex jara kif se jżomm ismu fuq l-aħbarijiet, spiċċa welled gidba kbira fil-konfront tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.

Fid-dagħdigħa tal-mument, Agius Saliba qabad il-mobile u mar live fuq Facebook u nfexx f’tgħajjira kontra Roberta Metsola, kontra l-Parlament Ewropew – li hu membru tiegħu, u kontra l-media indipendenti. Dan kollu għaliex Roberta Metsola – bħala rappreżentanta tal-poplu Malti u Għawdxi – tkellmet dwar is-sitwazzjoni xejn feliċi fl-Università u fl-MCAST.

U għaliex il-media indipendenti rrappurtat dak li qalet Metsola, Agius Saliba ħareġ b’attakk fuq il-media, il-Parlament Ewropew u l-President Metsola.

Iżda Agius Saliba spiċċa gideb meta qal li Roberta Metsola b’xi mod influwenzat ir-rappurtaġġ tal-midja indipendenti. Kienu Lovin Malta stess li f’artiklu giddbu lil Agius Saliba u qalu li ħadd ma jindaħlilhom f’xogħlhom – tant li anke dwar dak li jgħid Agius Saliba kitbu kemm-il darba. Anke l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta ħareġ stqarrija biex jiċħad dak li allega Agius Saliba.

Din l-aħħar gidba tikxef is-sitwazzjoni li l-Partit Laburista jinsab fiha – Robert Abela f’paniku u bla kontroll, waqt li Alex Agius Saliba u Steve Ellul jinsabu fi ġlieda kbira bejniethom għall-akbar numru ta’ voti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.