Lokali

Cherise Spiteri tirbaħ it-titlu prestiġjuż ta’ ‘Miss Malta 2024’

‘Miss Kalkara’, irrappreżentata minn Cherise Spiteri rebħet it-titlu prestiġjuż ta’ ‘Miss Malta 2024’, flimkien mat-titlu ta’ ‘Miss Personality’ u l-premju ta’ ‘Best Photogenic Model’. B’libsa sewda meħjuta fuqha b’mod metikoluż, Cherise kienet simbolu ta’ mħabba, reżiljenza u individwalità.

Il-vjaġġ tagħha, simili għall-istorja trasformattiva tal-libsa tagħha, żvolġa fuq il-palk grandjuż tal-Gran Finali tal-konkors ta’ Miss Malta, u ħalla marka indimentikabbli fil-qlub ta’ dawk kollha li kienu preżenti għal dan il-lejl maġiku.

Ir-rebħa ta’ Cherise ma servitx biss bħala ċelebrazzjoni personali tagħha, iżda wkoll ta’ ispirazzjoni għal nisa żgħażagħ minn madwar Malta, waqt li tfakkarhom fil-qawwa tad-determinazzjoni u l-perseveranza. Hekk kif aċċettat b’umiltà l-kuruna, Cherise esprimiet il-gratitudni tagħha għas-sapport kollu li rċeviet u sostniet li ser tuża l-pjattaforma tagħha sabiex tappoġġja diversi kawżi qrib qalbha, u wegħdet li tħalli impatt pożittiv fuq is-soċjetà matul is-sena tagħha bħala Miss Malta 2024.

Cherise enfasizzat ukoll l-għaqda li nħasset fost il-kontestanti kollha li ħadu sehem f’dan il-konkors. Il-ħbiberija ta’ bejniethom saret sors ta’ saħħa, u bidlet il-kompetizzjoni fi vjaġġ b’għan komuni ta’ tkabbir u tisħiħ. Kull kontestanta ġabet xi ħaġa speċjali fuq il-palk, li żiedet max-xenarju vibranti tal-ġranet tal-finali ta’ Miss Malta.

Cherise Spiteri qed tħares ‘il quddiem, ħerqana għall-vjaġġ ta’ impatt li ser tkun qed taħdem fuqu matul din is-sena. Wieħed mill-punti ewlenin tagħha huwa li taħdem matul il-kampanja tagħha biex tippromwovi l-proġett ta’ ‘Missjoni Uganda,’ proġett li għandu post speċjali f’qalbha, fost temi kruċjali oħrajn.

Fit-tieni post klassifikat ‘Miss Dingli’ – Lexine Farrugia, li ġiet inkurunata bħala ‘Miss Republic of Malta’; segwita minn ‘Miss Żurrieq’ – Alexia Cutajar, li ġiet inkurunata bħala ‘Miss Tourism of Malta’, fir-raba’ post ‘Miss Madliena’ – Yasemin Ertugrull, li giet inkurunata bħala ‘Miss Grand Malta’, filwaqt li ‘Miss Xemxija’ – Karolina Bordian, ġiet inkurunata bħala ‘Top Model Malta’ fil-ħames post.