Internazzjonali

Gaza: Assedju intensiv fuq il-belt ta’ Khan Younis — bit-tankijiet tal-gwerra ‘fuq l-għatba’ tal-isptarijiet

Ir-residenti fil-belt ta’ Khan Younis, fin-Nofsinar ta’ Gaza, kellhom isofru l-agħar lejl ta’ bumbardamenti u attakki mill-ajru intensivi mindu l-qawwiet Iżraeljani, f’Ottubru, fetħu l-offensiva fuq it-terroristi tal-Ħamas man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

L-aħħar filmati minn Khan Younis urew nirien kbar telgħin mil-lokalitajiet ċentrali anki waqt li l-ħsejjes tal-isplużjonijiet tal-bombi u l-isparar kienu qed jidwu minn kull kwartier tal-belt.

Il-ġlied anki qed javviċina l-isptarijiet ta’ Khan Younis u fl-aħħar sigħat kellhom jaħarbu ħafna familji mill-inħawi biex ma jisfawx vittmi tal-bumbardamenti.

Sadanittant Iżrael u l-Ħamas qablu dwar skambju umanitarju li qed isir fost l-eqqel tal-konflitt ta’ Gaza.

Fl-aħħar sigħat, Iżrael bagħat il-mediċini lill-ostaġġi Iżraeljani li ilhom minn Ottubru miżmuma mill-Ħamas u, bħala ġest reċiproku, ippermetta għal aktar għajnuna liċ-ċivili Palestinjani f’Gaza. Dan sar possibbli wkoll wara li l-ftehim intlaħaq bil-medjazzjonji tal-Qatar.

L-Istati Uniti, intant, qalet li l-Qatar qed jinvolvi ruħu wkoll f’sensiela ta’ taħditiet estensivi mill-aktar serji dwar ftehim ġdid potenzjali għall-ħelsien tal-ostaġġi.

Fl-aħħar sigħat, madankollu, komplew il-battalji ħorox bejn il-militar Iżraeljan u l-ġellieda tal-Ħamas qalb id-diversi zoni ta’ Khan Younis. Dan ukoll fost rapporti li l-battalji kienu waslu sal-limiti tal-Isptar ta’ Nasser, li hu fost l-akbar faċilitajiet mediċi ta’ dik il-belt.

Il-ġurnalisti fl-inħawi, fl-istess ħin, ikkonfermaw ‘l-istat ta’ paniku’ fost il-pazjenti u r-refuġjati Palestinjani li kienu sabu ftit tal-kenn fil-kumpless tal-isptar. Dan ukoll meta t-tankijiet tal-gwerra ta’ Iżrael kienu waslu sa ftit metri biss ‘il bogħod mill-Isptar ta’ Nasser.

Fl-aħħar sigħat, il-Palestinjani f’Khan Younis komplew jaħarbu lejn il-Punent ta’ Gaza – u lejn destin inċert.

Fi żviluppi oħra, l-Armata fil-Ġordan qed iżomm lil Iżrael responsabbli għal ‘abbuż sfaċċat tal-liġi internazzjonali’. Dan fost rapporti li sptar tal-militar Ġordaniż f’Khan Younis ġarrab il-ħsarat kbar mill-bumbardamenti tal-Iżraeljani fuq dik iz-zona.