Koppja li l-ġimgħa l-oħra ġew akkużati li abbużaw sesswalment lil uliedhom taħt l-età għal diversi snin u li għamlu li setgħu biex jaħbu dawn ir-reati ngħataw il-libertà proviżorja. Ir-raġel, deliveryman ta’ 43 sena mill-Imtarfa, bħal martu qed iwieġeb mhux ħati li kkorrompa liż-żewġt ibniet, li wettaq attività sesswali mhux kunsenswali u li ssuġġettahom għal atti ta’ intimità fiżika.
Il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-koppja li isimhom ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identita tat-tfal – bdiet tinstema’ quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li ordnat li l-provi jinstemgħu bil-magħluq.
L-omm, hi mara tad-dar ta’ 42 sena, bħal żewġha wieġbet mhux ħatja li ppermettiet l-abbuż u żammet lill-minuri milli jirrappurtawh. L-allegat trattament ħażin ħareġ meta t-tfajla ż-żgħira fetħet qalbha ma’ omm il-ħabiba tagħha waqt ‘sleepover’ u hawn sar rapport lill-Pulizija.
Dan seħħ ftit wara t-tfajla, li tkellmet it-tifka fejn akkumpanjata mill-adulta, marret fl-għassa tar-Rabat biex tippreżenta rapport dwar l-abbuż u sostniet li oħtha l-kbira kienet iffaċċjat l-istess sitwazzjoni diffiċli li għaddiet minnu hi.
Sostniet ukoll li ommhom kienet konxja tas-sitwazzjoni iżda spiss wissietha biex ma tgħid lil ħadd. Iż-żewġ tfajliet aktar tard tkellmu mal-pulizija fil-preżenza ta’ uffiċjali mit-Child Protection Unit. L-allegazzjonijiet tagħhom wasslu għal investigazzjonijiet li fl-aħħar irriżultaw f’akkużi kriminali kontra ż-żewġ ġenituri. Il-ġentituri tressqu nhar it-Tlieta 9 ta’ Jannar, fl-istess ġurnata meta t-tifla l-kbira għalqet 18-il sena.
L-omm ġiet ordnata tiffirma l-għassa darba fil-ġimgħa u ma tersaqx lejn ix-xhieda, b’mod partikolari lejn bintha ż-żgħira li għad trid tixhed. Hi ngħatat il-pleġġ fuq garanzija personali ta’ €5,000. Żewġha ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €15,000. Hu jrid jiffirma l-għassa tal-Pulizija tar-Rabat tliet darbiet fil-ġimgħa u ma jersaqx lejn ix-xhieda b’mod partikolari lejn uliedu.
L-akkużata wkoll bl-ebda mod ma tista’ tavviċina jew tagħmel kuntatt magħhom kemm direttament kif ukoll indirettament. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Godwin Scerri u Wayne Buhagiar u fil-każ tar-raġel kienu mgħejjuna mill-Avukat Darelen Grima mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Meta tressqet il-Qorti l-koppja kienet qed tiġi difiża minn avukat tal-għajnuna legali, iżda issa l-koppja qabdet lill-avukat Roberto Montalto għad-difiża tagħhom.


