Lokali

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tax-Xandir għadha mingħajr Kap minkejja manuvri ġodda

Il-kontenut tal-aħbarijiet tax-Xandir tal-Istat issa għadda f’idejn żewġ ġurnalisti – Massimo Axisa u Liam Carter.

Dan ifisser li Carter u Axisa ġew promossi għal rwoli maniġerjali fit-tmexxija tal-PBS u għaldaqstant se jkunu responsabbli minn dak kollu li l-aħbarijiet tax-Xandir se jkun qiegħed iwassal fuq l-istazzjonijiet tar-radju, televiżjoni, midja soċjali u sit onlajn.

Sorsi qrib ħafna l-kurituri tal-PBS, li tkellmu ma’ Net News, spjegaw li mossa bħal din b’mod mill-aktar inevitabbli ħolqot tensjoni fil-Kamra tal-Aħbarijiet.  Dan għaliex żewġ ġurnalisti żgħażagħ qabżu fil-grad tagħhom numru ta’ ġurnalisti oħrajn li għandhom aktar esperjenza minnhom.

Huma ġew impjegati mal-PBS lura f’Novembru tal-2019 wara li Axisa għamel perjodu jaħdem ma’ One News filwaqt li Carter kien jaħdem mal-ġurnal Illum….b’Massimo Axisa jagħmel ukoll perjodu bħala uffiċjal tal-komunikazzjoni tal-eks Ministru Edward Zammit Lewis.

Fost it-tibdiliet li saru fil-PBS, hemm ukoll il-promozzjoni tal-ġurnalista Maria Muscat fi rwol maniġerjali – responsabbli mir-riżorsi umani filwaqt li Mario Xuereb kellu aġġustament fir-rwol tiegħu fejn filwaqt li se jibqa’ responsabbli minn proġetti speċjali tax-xandir se jkollu f’idejh l-immaniġġjar ta’ TVMNEWS+, u l-ħolqien ta’ strateġiji u ppjanar.

Fl-istess waqt, l-eks Deputat Editur tal-Orizzont, Kap tal-Aħbarijiet tal-One, eks uffiċjal komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Robert Abela bħala person of Trust…Owen Galea…se jibqa’ responsabbli mit-tmexxija tal-websajt u midja soċjali tal-PBS.

Intant, minkejja dan it-tibdil kollu…il-kamra tal-aħbarijiet tax-xandir għadha mingħajr Kap tal-Aħbarijiet wara li Norma Saliba kienet ġiet mislufa mill-PBS biex tokkuppa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Ilsien Malti. Dan ifisser li l-eks Kap Inġinier fl-istazzjon One…issa Chief Operations Officer mal-PBS…Charles Dalli…se jibqa jokkupa r-rwol ta’ editur max-Xandir Nazzjonali.