Il-Partit Nazzjonalista hu kontra l-pjan tal-Gvern li dawk li jinqabdu b’ammonti kbar ta’ droga jibdew jitqiesu vittmi minflok traffikanti. Il-Partit Nazzjonalista ma jridx li t-traffikanti tad-droga jibdew jeħilsuha ħafif, kif irid il-Gvern, u qed joġġezzjona bil-qawwa kollha li l-veri vittmi tad-droga u t-traffikanti jitpoġġew fl-istess keffa u jitqiesu bl-istess mod f’għajnejn il-liġi.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx assolutament li min jinqabad b’500 pillola ecstasy, 200 gramma eroina, 200 gramma kokaina jew nofs kilogramma kannabis jibda jitqies bħala vittma, kif qed jipproponi l-Gvern fil-White Paper dwar ir-riforma fil-qasam tad-droga.
Hu ċar għal kulħadd li min jinqabad b’dawn l-ammonti kbar ta’ droga għandu jitqies bħala traffikant u mhux bħala vittma. Hu evidenti wkoll li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħmel dawn il-proposti għax qed jitlef il-gwerra kontra t-traffikar tad-droga u qata’ qalbu li qatt jista’ jirbaħha.
Għall-Partit Nazzjonalista hu inaċċettabbli li pajjiżna jkollu Gvern li jiddeċiedi li jċedi l-armi fil-gwerra kontra t-traffikanti.
Hu tassew ironiku, jekk mhux insolenti, li l-Gvern ippropona dawn l-ammonti l-għada li Robert Abela mar iżur lill-vittmi tad-droga f’wieħed mill-programmi tal-Caritas. Jekk tgħaddi tal-Gvern se nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn it-traffikanti tad-droga jibdew jitpoġġew mal-vittmi tagħhom stess fiċ-ċentri ta’ rijabilitazzjoni. Dan ikun żvilupp inkwetanti ħafna għax jagħmel ir-rijabilitazzjoni tal-veri vittimi ferm aktar diffiċli, jekk mhux impossibbli.
Bil-kontra tal-Gvern ta’ Robert Abela, il-Partit Nazzjonalista hu kommess li jaħdem bla heda biex uliedna jkunu mħarsa mill-effetti gravi tat-traffikar tad-droga. Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ pubblikament lil kull min jemmen fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga biex jingħaqad miegħu u jsemma’ leħnu kontra dan il-pjan irresponsabbli tal-Gvern.
Il-politika tal-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward kienet, għadha u se tibqa’ waħda ċara u soda: id iebsa mat-traffikanti tad-droga u għajnuna u mħabba lill-vittmi tad-droga.
Dan intqal fi stqarrija, mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina, u x-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Stephen Spiteri.
//= $special ?>