Lokali

“Il-pjan ta’ Abela u Muscat hu li jiġu imminati l-Qrati” – Repubblika

Robert Abela u Joseph Muscat akkwistaw informazzjoni li permezz tagħha waslu għall-konklużjoni li Muscat u l-kompliċi tiegħu ser jibdew jintlaħqu mill-ġustizzja, u għalhekk minkejja differenzi ta’ bejniethom, u x’aktarx wara rikatt ta’ Muscat fuq Abela, iddeċidew li jingħaqdu. Din hija raġuni vera tar-reshuffle fażull fil-kabinett u l-mossa li jinġiebu lura Rosianne Cutajar u Justyne Caruna.

Hekk iddikjara Robert Aquilina, il-President tal-għaqda Repubblika, f’diskors li wassal it-Tlieta filgħaxija, wara rebħa oħra li kellha din l-istess għaqda fil-Qorti. B’Aquilina jgħid illi Abela u Muscat ħadmu konfoffa bejniethom bi pjan li minnu jgawdu t-tnejn li huma: Abela biex iżomm il-poter, u Muscat biex jiffranka l-ħabs.

Fid-diskors tiegħu Robert Aquilina spjega wkoll li l-pjan ta’ Abela u Muscat jinkludi li jiġu mminati l-Imħallfin u l-Maġistrati, li jimmanuvraw u jbagħbsu fil-Korp tal-Pulizija biex iserħu moħħhom aktar minn qabel li l-pulizija ma jmissuhomx … u għalhekk huwa patt perikoluż.

Robert Aquilina fakkar kif it-Tnejn, Repubblika kisbet rebħa oħra fil-Qorti tal-Appell kontra l-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat. Fejn inkixfet il-gidba li ivvintaw l-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat biex jipproteġu lill-krimjinali u lil dawk fl-istituzzjonijiet li tradew liċ-ċittadini onesti ta’ pajjiżna, u għalhekk il-proċeduri dwar il-Bank Pilatus se jsiru kollha kemm huma bil-bibien miftuha.

Aquilina fakkar ukoll kif din hija l-aħħar minn sensiela ta’ rebħiet fil-konfront ta’ Joseph Muscat li qed jagħmel minn kollox sabiex iwaqqaf l-Maġistrat milli tkompli tinvestigah kriminalment … u b’hekk iwaqqaf il-kors tal-ġustizzja. Pero kif kompla jgħid Aquilina f’kull digriet li tat, il-Qorti sabet li Joseph Muscat ma kellux raġun u qatgħatha kontrih.

Robert Aquilina tenna wkoll l-appell tiegħu sabiex l-Avukat Ġenerali tbiddel ir-rotta, u ma tibqax fuq in-naħa tal-kriminali.