Lokali Parlament

Il-Pulizija għandhom jintużaw fejn l-aktar li jservu fil-komunitajiet


Darren Carabott, PN


Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Intern Darren Carabott qal fil-parlament li l-pulizija għandhom jintużaw fejn l-aktar li jservu fil-komunitajiet.


Darren Carabott qal li dan l-abbozz li jemenda l-Ordinanza dwar iċ-Ċertifikati tal-Kondotta, jaħseb biex il-kondotti ma jibqgħux joħorġu mill-pulizija iżda mid-Dipartiment tal-Ġustizzja. Dan biex dawn l-uffiċjali tal-pulizija jkunu jistgħu jintużaw u jagħtu servizz fejn l-aktar li hu meħtieġ fl-infurzar tal-liġi.


Id-deputat Nazzjonalista qal li mill-2014 sal-2022, kien hawn tnaqqis fin-numru ta’ membri fil-Korp tal-Pulizija. Fl-1993, għal kull pulizija kien hemm 227 resident iżda issa dan tela’ gal 240 għal kull pulizija. Dan ifisser li żdied ix-xogħol għall-pulizija.


Darren Carabott qal li mill-2013/14 kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ pulizija komparat mal-popolazzjoni. Hu tkellem dwar diversi nuqqasijiet fosthom fil-qorti fejn tant hemm xogħol li qed ikun hemm inġustizzji fil-konfront tal-vittmi minħabba li kawżi qed jaqgħu minħabba li tkunx saret in-notifika tal-kawża fil-ħin. Dan minbarra l-bżonn tax-xogħol tal-pulizija fl-għases fil-lokalitajiet. Hu enfażizza li f’kull lokalità għandu jkun hemm għassa tal-pulizija miftuħa.


Darren Carabott semma’ l-kawżi fil-qorti u qal li l-pulizija tal-prosekuzzjoni qed ikollhom ħafna kawżi waqt li l-avukati difensuri jkunu qed jiffukaw biss fuq il-każ tagħhom.


Hu qal li qed jiżdiedu wkoll ir-reati ta’ scam, partikolarment fuq anzjani u spjega kif il-pulizija li jaħdmu fuq dawn ir-reati ma jistgħux ilaħħaqu max-xogħol li hemm.