Lokali Saħħa

Ilha s-snin tistenna għal operazzjoni fl-Isptar Mater Dei li diġa’ tħassret tliet darbiet

Il-kriżi fis-settur tas-saħħa hi agħar milli qatt ħsibna.

Tant li persuna wara l-oħra qed jikkuntatjaw lil Net News sabiex jilmentaw – bir-raġun – dwar l-istennija twila sabiex isiru numru ta’ operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei. B’għexieren saħansitra jkollhom jistennew ix-xhur, jekk mhux snin, sakemm jingħataw appuntament definittiv.

Persuna partikolari li tkellmet magħna qaltilna kif ilha tistenna għal operazzjoni partikolari għal xejn anqas minn tliet snin. Bl-ewwel appuntament jingħatalha s-sena l-oħra – għalkemm din l-operazzjoni diġa’ spiċċat tħassret tliet darbiet. Bir-raġuni tkun li m’hemmx biżżejjed infermieri sabiex jassistu lill-kirurgu.

“Ir-raġel għandu bżonn jagħmel operazzjoni u bagħatu għalih f’data partikolari,” qalet din l-istess persuna. “Kollox irriżulta tajjeb. Tawna appuntament u morna sajjem kif qalulna fis-7 am. Kif morna d-day car qalulna biex nistennew, għamlulu iktar testijiet, u wara 7 sigħat nistennew nirċievu messaġġ li ġiet postposta minħabba li ma kienx hemm biżżejjed infermieri. Għamlulna appuntament ieħor, erġajna morna, saru t-testijiet, u wara 7.5 sigħat, daħlulna u l-professur qalilna li minħabba li m’hemmx infermiera biżżejjed.”

Din l-operazzjoni hi bil-wisq bżonnjuża hekk kif din l-istess persuna ilha tliet snin sħaħ muġugħa; sitwazzjoni li tista’ tiġi indirizzata b’operazzjoni sempliċi.

“Jew ikollok il-flus biżżejjed biex tmur tagħmilha privata għax hekk huwa l-iskop għax m’hemmx biex taħdem,” qalet din il-persuna. “Ma nafx x’tista’ tagħmel iktar. Inkella trid toqgħod tistenna u ttertaq qalbek għax inti mintiex waħdek, għandek il-familja. Tieħu l-leave għalxejn u tistenna. Minn xahar għall-ieħor. Tmur tistenna, ma jagħmluhilekx, u terġa’ tistenna.”

Appuntament wara l-ieħor li kontinwament qed jitħassar fl-aħħar minuta, illi jfisser ukoll li t-testijiet li qed isiru ….spiċċaw isiru għal xejn. Bil-leave jinħela għal xejn, ħlas ta’ taxis, u problemi sabiex isibu min se jieħu ħsieb it-tfal.

“Tmur tispiċċa tagħmel it-testijiet u ma tafx x’ħin se toħroġ,” qalet din il-persuna. “Trid tieħu l-leave kemm il-pazjent u anke l-qraba, is-sick leave għal wara l-operazzjoni, trid tara ma’ min se tħalli t-tfal għax għandna tarbija żgħira, trid tara x’hemm x’tirranġa fid-dar, etc. Kull darba nerġgħu nibdew l-istess rutina.”

Sitwazzjoni li turi kif quddiem dan kollu qed ibati l-poplu Malti u Għawdxi – għaliex l-unika żewġ soluzzjonijiet li jibqa’ huma li tmur fi sptar privat jew inkella tibqa’ tbati.

Dan kollu għaliex il-Gvern ma ħasibx fit-tul. U għażel li jarmi €400 miljun billi tahom lill-barranin ta’ Vitals u Steward minflok investihom fis-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.