Idriss Ahmed Adem, is-Sudaniż ta’ 30 sena li kien involut fil-ġlieda f’Paceville bejn Lejliet l-Ewwel tas-Sena u l-Ewwel tas-Sena u fil-filmati li ttellgħu fuq il-media soċjali deher li kien il-vittma ta’ aggressjoni minn naħa ta’ diversi bouncers, ingħata l-pleġġ mill-Qorti.
Dan seħħ wara li l-bouncer li kien qed jallega li qala’ daqqa ta’ flixkun mingħandu ħafirlu fil-Qorti. Adem ingħata l-pleġġ fuq depożitu ta’ 200 ewro u garanzija personali ta’ 1,800 ewro. Kien l-Albaniż Riald Gragjevi li qal lill-Qorti li kien qed jaħfer lill-akkużat, li skont hu kien ta daqqa ta’ flixkun,
Gragjevi nniffsu dejjem ċaħad li weġġa’ serjament raġel barra nightclub ta’ Paceville lejlet l-Ewwel tas-Sena u jsostni li kien hu l-vittma wara li ngħata daqqa ta’ sikkina bi flixkun miksur. Bħas-Sudaniż, l-Albaniż qed iwieġeb mhux ħati li kkaġuna ġrieħi gravi billi uża armi mhux xierqa f’attakk li nqabad bill-cameras.
L-Ispettur Brian Xuereb kien qal lill-Qorti li kien qed jaħdem ix-shift ta’ bil-lejl bejn il-31 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar meta wieġeb għal rapport li persuna kienet mitlufa minn sensiha fi Triq San Ġorġ f’Paceville. Meta Xuereb wasal fuq il-post, issejħet ambulanza għall-vittma – l-istudent Sudaniż Ahmed Adem – u ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn instab li kien qed isofri minn ġrieħi gravi.
Xuereb kien qal ukoll li aktar kmieni filgħaxija gwardjan tas-sigurtà kien ippreżenta rapport lill-pulizija fejn qal li kien aggredit u ferut bi flixkun miksur, u ġie stabbilit li r-rapport kien sar dwar il-vittma. Ahmed Adem kien ukoll għax xi żmien qed jiġi mfittex mill-pulizija u qed jiġi investigat b’rabta mal-ġrieħi tal-gwardjan tas-sigurtà.
Aleksandar Kovacic ta’ 27 sena u Ivan Marjanovic ta’ 42 sena – li huma mis-Serbja, residenti l-Imsida wkoll kienu qed jiġu mixlija li ħebbew għal Ahmed Adam Idriss Albarjo u li kisru l-paċi pubblika. Dawn ammettew u kienu kkundannati multa ta’ mitt ewro kull wieħed, Bouncer ieħor – Peter Bajic – li wieġeb mhux ħati tal-akkużi, li jinkludu wkoll li kien qed jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà mingħajr liċenzja, ukoll huwa allegatament involut ma’ din il-ġlieda.
Magħhom hemm ukoll il-bouncer Malti Ryan Zammit – li wkoll jinsab mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq is-Sudaniż. L-Avukat Roberta Bonello Felice qed tidher għal Adam li aktar kmieni dan ix-xahar ukoll ħafer lil dawk li allegatament aggredewh. Il-każ ikompli.
//= $special ?>