Graziella Galea, PN
Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea qalet li t-test tal-verġinità għandu jkun illegali għal dawk kollha li jgħixu Malta anki għal dawk il-barranin li jwettquh fil-kulturi tagħhom.
Fil-parlament Graziella Galea qalet li kienet issuġġeriet li jekk ikun meħtieġ intervent mediku li konsegwenza tiegħu tkun se sseħħ sterilizazzjoni, ma jkunx professjonist wieħed li jieħu d-deċiżjoni, imma għandu jkun hemm bord ta’ iktar minn professjonist wieħed li jieħu dik id-deċiżjoni.
Fl-abbozz imressaq fil-parlament qed jingħad li eżami li jseħħ minn professjonist mediku, liema eżami jseħħ ‘skond il-prassi mediċi stabbiliti’, waqt intervent mediku m’għandux jitqies bħala reat.
Dan hu mod ta’ kif il-professjonisti nvoluti jkunu jistgħu jiħu mħarsa. Deċiżjonijiet dwar l-interventi msemmija m’għandhomx jittieħdu minn professjonist wieħed, biex il-professjonisti nvoluti jingħataw il-protezzjoni meħtieġa.
Hi qalet li tajba kemm tkun tajba l-liġi, dejjem jista’ jkun hemm min jipprova jabbuża, jew ukoll ikun hemm min jallega abbuż; u dan ikun ta’ dannu ghal min ma’ jkun wettaq l-ebda ksur.
F’Malta, safejn hu magħruf dan it-test mhux xi ħaġa li tiġi pprattikata iżda, fl-istess ħin Malta tal-lum hi differenti ħafna milli kienet sa ftit tas-snin ilu.
Illum f’Malta hawn eluf ta’ persuni li ġejjin minn pajjizi fejn dan it-test hu meqjus bħala xi ħaġa kwazi normali. Dak li għall-Maltin kien għal kollox barra minn postu jista’ jkun li llum hawn persuni li għalihom it-test hu xi ħaġa normali minkejja li test bħal dan jnaqqas u jżarma d-dinjità tal-mara.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li hu diffiċli li gruppi ta’ persuni li jkunu mdorrijin li jwettqu ċertu riti u testijiet, ibiddlu dawk id-drawwiet tagħhom sempliċiment għaliex ma jkunux għadhom qed jgħixu fil-pajjiż fejn dawn id-drawwiet ikun prattikati.
L-ebda kultura aċċettata f’pajjiżi oħra m’għandha tiġi awtomatikament aċċettata f’Malta, b’mod partikulari meta dik il-kultura tkun qiegħda tbaxxi d-dinjità ta’ min jiġi ssuġġettat għaliha.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li s’issa ma kienx hemm provi li tali testijiet tal-verġinità qed iseħħu f’Malta. Madanakollu rridu nassiguraw li jekk iseħħu dawn ikunu llegali u li dawk li jistgħu jwettqu dawn it-testijiet jkunu infurmati bil-liġijiet ta’ Malta.
Test bħal dan hu wieħed li jwaqqa’ d-dinjità tal-mara. X’inhi r-raguni li għaliha jkun hawn min irid jissuġġetta lin-nisa ghal dan it-test?
It-test ikun qed isir biex issir diskriminazzjoni bejn mara verġni u ohra le? Ikun qed isir biex mara li tiġi dikjarata bħala mhux verġni tigi ssuggettata għal trattament diskriminatorju?
It-test ikun qed isehh bhala mod ta’ kontroll fuq il-mod ta’ kif il-mara tiġi trattata wara l-istess test, fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, ma sħabha, fuq il-post tad-divertiment?
Għal dan il-għan irridu nassiguraw id-dinjità tal-mara kontinwament. Dan it-test se jkun illegali u ma’ dan il-PN jaqbel. Imma l-ebda liġi weħidha mhu se ssolvi l-possibbiltà li dan it-test iseħħ.
Għalhekk hawn bżonn kampanja ta’ tagħrif dwar din il-liġi biex ikun assigurat li l-iktar nies milquta minn kultura favur dan it-test isiru jafu li hawn Malta t-test hu wieħed illegali. Għandhom ikunu magħrufa wkoll il-konsegwenzi fuq min iwettaq jew iħajjar għat-twettiq tat-test, sostniet id-deputat Nazzjonalista.