Il-Ministru l-ġdid tat-Trasport Chris Bonnett ikkonferma fil-parlament li l-e-scooters mikrija se jitwaqqfu u mhux se jibqgħu joperaw.
Din id-deċiżjoni kkonfermaha l-Ministru Bonnett meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari minn Deputat tal-Oppożizzjoni Albert Buttigieg fis-seduta parlamentari tal-lum.
Id-deċiżjoni li l-operat tal-e-scooters mikrija jitwaqqaf kienet waħda mill-iktar deċiżjonijiet kontroversjali meħuda mill-ex Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia li tneħħa mill-kariga ftit ilu mill-Prim Ministru Robert Abela fl-hekk imsjeħa ‘reshuffle’ li għamel il-Prim Ministru Robert Abela l-ġimgħa li għaddiet.
Fit-tweġibiet parlamentari tiegħu l-Ministru Bonnett qal li l-gvern kien se jinċentiva l-użu u x-xiri ta’ e-scooters mixtrija iżda mhux dawk mikrija.
Id-deċiżjoni tal-gvern li jwaqqaf l-użu ta’ e-scooters mikrija ġabet kiritika għall-fatt li din saret wara li għal diversi snin il-gvern ħalla l-użu tal-e-scooters mikrija għaddej bla ma kien hemm kontrolli. Fl-fatt, diversi entitajiet kkritikaw lill-gvern għall-fatt li ma daħħalx ir-regolamentazzjoni neċessarja u li ħalla l-e-scooters mikrija jinutżaw bla pjan u bla ma ħoloq l-infrastruttura neċessarja bil-konsegwenza li dawn ħolqu diversi problemi speċjalment fuq bankini wesgħin u promenades.
Il-Ministru Bonnett qal li minflok l-e-scooters mikrija ntużaw biex jissostitwixxu t-trasport, dawn spiċċaw ħolqu inkonvinjenti u problemi u ssostitew biss lil dawk li jagħżlu l-mixi.