Statistika maħruġa mill-Eurostat tikkonferma li l-Gvern Malti mhux jirnexxielu jindirizza l-isfida tal-għoli tal-ħajja – kuntrarju għal pajjiżi bħall-Italja, id-Danimarka u l-Latvija illi qed ipoġġu din ir-realtà bħala prijorità għall-gvernijiet rispettivi, illi qed jimplimentaw strateġiji li jħallu riżultati.
L-istatistika Ewropea turi li r-rata tal-inflazzjoni f’Malta hija ogħla mill-medja tal-Ewropa. Fi kliem sempliċi, il-piż tal-għoli tal-ħajja f’Malta huwa akbar mill-medja fil-bqija tal-pajjiżi Ewropej.
Fil-fatt, ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna baqgħet fil-livell ta’ 3.7 fil-mija. Dan meta fl-Ewropa, l-inflazzjoni tinsab fil-livell ta’ 3.4 fil-mija, u fiz-Zona Ewro ferm inqas – 2.9 fil-mija.
L-inqas rati tal-għoli tal-ħajja ġew reġistrati fl-Italja, id-Danimarka u l-Belġju. Dan filwaqt li pajjiżi bħall-Litwanja, Ċipru, il-Portugall u anke Spanja għandhom inflazzjoni ferm inqas minn Malta.
Anke ċ-ċifri maħruġa mill-NSO juru li r-rata medja annwali tal-għoli tal-ħajja fuq tnax-il xahar kienet taʼ 5.6 fil-mija.
FʼDiċembru, l-akbar impatt għall-inflazzjoni annwali ġie mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+1.69 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-ħaxix. It-tieni u t-tielet l-akbar impatti fuq l-inflazzjoni ġew innotati fl-Indiċi tar-Ristoranti u lukandi (+0.64 punti perċentwali) u fl-Indiċi tal-Akkomodazzjoni, ilma, elettriku, gass u tipi taʼ karburanti oħrajn (+0.53 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla fis-servizzi tar-ristoranti u fil-kirjiet, rispettivament.
//= $special ?>