Edukazzjoni Lokali

L-Istudenti tal-MCAST b’ultimatum lill-Gvern

L-istudenti tal-MCAST flimkien mal-kunsill tal-istudenti ħarġu ultimatum lill-Gvern sabiex jintlaħaq ftehim mal-għalliema sa għada, jew jaffaċjaw protesta.

L-istudenti qed jesprimu l-frustrazzjoni tagħhom dwar l-inċertezza fuq il-marki tagħhom u l-ambigwità madwar l-eżamijiet tar-resit tagħhom. Filwaqt li huma qed jenfasizzaw l-irwol tagħhom bħala l-pedament tal-futur ta’ għada, huma saħqu kif qedin jezerċitaw d-dritt tagħhom li jiġu ttrattati b’aktar konsiderazzjoni u rispett.

L-istudenti qed jappellaw lil Robert Abela u Clifton Grima biex jidħlu f’diskussjonijiet serji mal-għalliema, bit-tama li din il-kwistjoni li għadha għaddejja tiġi solvuta malajr. Dan qiegħed joħroġ wara li Il-Gvern issa ilu sentejn sħaħ biex jilħaq ftehim kollettiv mal-UĦM dwar il-pagi tal-għalliema b’konsegwenza ta’ dan kollu, l-istudenti ma jafux jekk hux se jingħataw marka fuq ix-xogħol tal-iskola u fuq it-teżi.

Għaldaqstant l-appell huwa wieħed sabiex il-Gvern isib soluzzjoni illum qabel għada.